Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120159
Title: L-inġustizzja fin-novelli ta’ Immanuel Mifsud
Authors: Muscat, Morientes (2023)
Keywords: Mifsud, Immanuel, 1967- -- Criticism and interpretation
Short stories, Maltese -- 21st century
Justice in literature
Sexism in literature
Issue Date: 2023
Citation: Muscat, M. (2023). L-inġustizzja fin-novelli ta’ Immanuel Mifsud (Bachelor's dissertation).
Abstract: L-għan ewlieni ta’ din it-teżina huwa li tistħarreġ it-tema tal-inġustizzja billi tittratta xenarji u sitwazzjonijiet reali li jmissu magħha, li jaffettwaw lil membri differenti tas-soċjetà, u li huma rrappreżentati fil-ġabriet ta’ novelli L-Aqwa Żmien u Kimika tal-kittieb kontemporanju Immanuel Mifsud. Kien in-nuqqas ta’ riċerka dwar il-kitba ta’ Immanuel Mifsud minn lenti soċjoloġika li tanalizza l-inġustizzji u t-tbatijiet li nies ordinarji jsofru u jġorru minħabba rrealtajiet tal-ħajja li qanqal fija interess sabiex niskopri aktar dwar dan. Permezz ta’ prinċipji bħal ta’ Herbert Spencer u John Rawls, dan l-istudju jagħti ħarsa teoretika u storika lejn il-kunċetti tal-ġustizzja u tipi differenti ta’ inġustizzja. Dawn l-istudji jikxfu l-kundizzjoni u l-aspirazzjonijiet tal-bniedem bħala speċi u jistħarrġu x’inhu dak kollu li jwassal għall-inġustizzja. Fl-istudju tiegħi ninqeda bihom biex nirrifletti fuq l-inġustizzji diversi riflessi finnovelli L-Aqwa Żmien u Kimika li għandhom bħala protagonisti karattri li jħabbtu wiċċhom magħhom u jiġu influwenzati f’aspetti fiżiċi u psikoloġiċi. Fattur ieħor li mmotivani biex nikteb studju dwar dawn iż-żewġ ġabriet ta’ novelli ta’ Mifsud kien il-fatt li t-tnejn li huma nkitbu tista’ tgħid fi żmien riċenti, b’Kimika li nkiteb fl-2005 u L-Aqwa Żmien li nkiteb fl-2019. B’hekk stajt nalludi għal realtajiet soċjali li jimplikaw inġustizzji fis-soċjetà li qed ngħixu fiha preżentament u l-elementi oskuri li jsawruha, riflessi fin-novelli ta’ Mifsud. Din it-teżina tidentifika tipi ta’ inġustizzji li jaffettwaw lill-individwi fis-soċjetà u li Mifsud bil-ħila narrattiva tiegħu jwassal lill-qarrejja biex jagħrfu u jempatizzaw ma’ dawk li jgħixuhom. Mifsud joħloq ċirkostanzi u interazzjonijiet bejn karattri differenti li jixhdu żbilanċ fil-miżien soċjali b’konsegwenza li tiġi ġġenerata u pperpetwata xi forma jew oħra ta’ inġustizzja. Il-karattri rrappreżentati huma karattri ordinarji li faċli tiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum, u l-fraġilità tagħhom hija tipika ta’ membri żvantaġġjati u oppressati fis-soċjetà. Waħda mit-tekniki narrattivi li Mifsud iħaddem hija dik tan-narratur awtodijeġtiku li jagħti stampa ċara ta’ dak li jgħaddu minnu l-protagonisti tan-novelli u b’liema mod jaffaċċjaw jew jikxfu dawn l-inġustizzji li qed iseħħu madwarhom. Filwaqt li n-narratur awtodijeġetiku f’xi novelli jkun il-vittma, f’novelli oħra jkun l-aggressur li jabbuża minn karattri oħra u jgħaddihom mill-infern tal-inġustizzja. Anki meta n-narratur ta’ Mifsud ikun eterodijeġetiku, il-fokalizzaturi spiss huma l-protagonisti li jsofru l-inġustizzji. F’dawn in-novelli jingħataw dettalji li jsawru lkarattru tal-protagonisti flimkien ma’ dettalji oħra fuq ir-relazzjonijiet li jkollhom mal-karattri sekondarji. B’din it-tip ta’ narrazzjoni tingħata perspettiva usa’ minn dik li kapaċi joffri narratur suġġettiv bħalma hu n-narratur awtodijeġetiku. Fin-novelli tiegħu Mifsud jistieden riflessjoni kritika permezz ta’ rappreżentazzjoni realistika tas-soċjetà u l-eżempji li jqanqal jissuġġerixxu titjib fl-istituzzjonijiet u l-indirizz serju ta’ dawn l-inġustizzji. Il-pożizzjoni ta’ Mifsud minn perspettiva soċjoloġika fil-konfront talinġustizzji li jseħħu fis-soċjetà Maltija tisfiduċja lill-istituzzjonijiet u lil dawk li jieħdu pożizzjoni partiġġjana u jappoġġjawhom b’fiduċja għamja. Permezz ta’ ismijiet ta’ persuni veri, b’karattri li jalludu għal persuni li jkunu sfaw vittma ta’ xi inġustizzja, u b’referenzi għal personaġġi u temi kontroversjali, Mifsud joħloq kuxjenza soċjali li ġġiegħel lill-qarrejja jiftħu għajnejhom u jirriflettu b’mod kritiku fuq in-nuqqasijiet tas-soċjetà li jgħixu fiha.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120159
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2023
Dissertations - FacArtMal - 2023

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
2308ATSMAL300000014762_1.PDF
  Restricted Access
1.16 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.