Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1489
Title: Il-kontribut ta’ Il Gazzetta Maltia (1899-1900) ghall-izvilupp letterarju f’Malta
Authors: Grima, Kyle
Keywords: Il Gazzetta Maltia (Newspaper)
Newspapers -- History -- Malta
Maltese literature -- 19th century -- History and criticism
Maltese poetry -- 19th century -- History and criticism
Issue Date: 2014
Abstract: Mill-Kantilena sa tmiem is-seklu 19, numru ta’ personaġġi, bħal Mikiel Anton Vassalli (1764-1829) (Dictionary of Maltese Biographies 1559) u Ġan Anton Vassallo (1817- 1868) (Schiavone 1567) ippruvaw jagħtu dimensjoni ġdida lill-Malti kemm fuq livell letterarju kif ukoll f’dak lingwistiku. Il-libertà tal-istampa kienet pass ’il quddiem biex jinħarġu kotba u gazzetti bil-Malti, iżda l-perċentwal ta’ letterati kien baxx u l-passività tal-Maltin biex jitgħallmu l-kitba tal-Malti ma kinetx tgħinhom. Minkejja li personalitajiet bħal Vassalli, fost oħrajn, ippruvaw isaħħu l-qagħda tal-Malti tul iż-żmien, is-sitwazzjoni tal-lingwa Maltija fi tmiem is-seklu 19 kienet waħda fqira. Tant hu hekk li l-Malti kien assoċjat ma’ nies baxxi u saħansitra kien meqjus bħala l-lingwa tal-kċina. Ġużè Muscat Azzopardi (1853-1927) (Schiavone 1227), l-editur ta’ Il Gazzetta Maltia (1899-1900), u bosta poeti u ġurnalisti li kkontribwixxew għaliha għamlu attentat biex il- Maltin iżidu l-interess fl-użu tal-Malti. Meta wieħed iqalleb fil-gazzetti li kienu ġew stampati tul l-aħħar snin tas-seklu 19, jinnota li l-maġġoranza tal-gazzetti Maltin huma bit-Taljan u bl-Ingliż. Dan jixhed in-nuqqas ta’ importanza li kien mogħti lill-Malti fi żmien Il Gazzetta Maltia. B’kuntrast ma’ din l-indifferenza lejn il-Malti, Ġużè Muscat Azzopardi, fost edituri ta’ gazzetti partikolari, għamel pass importanti biex jipproġetta l-Malti bħala l-kelma miktuba, b’enfasi fuq il-qasam letterarju, bħall-proża u l-poeżija, imma anke fuq il-lingwistika, f’artikli fuq is-sistemi ortografiċi li bosta lingwisti pproponew. F’din it-teżina se nipprova nagħti stampa miftuħa dwar il-qagħda tal-letteratura fi tmiem is-seklu 19. Il Gazzetta Maltia hija eżempju ta’ gazzetta li faċilment tidħol fil-qasam letterarju, minħabba li tippromwovi livell għoli ta’ letteratura. Milli jidher, Muscat Azzopardi jagħmel dak kollu possibbli biex iżid in-numru ta’ poeżiji li jkollu fil-gazzetta u saħansitra jiddiskuti dwar kliem tekniku fil-kritika letterarja bħas-sunett bid-denb. Min-naħa l-oħra, Il Gazzetta Maltia tipprovdi wkoll informazzjoni ġurnalistika rigward politika, każijiet il-qorti u attivitajiet soċjali, li mhux se jkunu trattati direttament fit-teżina minħabba li din il-kitba akkademika se tkun aktar konċentrata fuq il-qasam tal-letteratura. Din it-teżina għandha l-għan li tgħin lil min qed jirriċerka fuq l-isfond letterarju Malti filwaqt li tagħti rendikont ta’ dak li hemm miktub f’gazzetta tipika bil-Malti ta’ tmiem is-seklu 19. Se jingħata rendikont tal-poeżiji, proża u anke dwar artikli li Muscat Azzopardi kien ippubblika fil-gazzetta biex jgħallem lill-pubbliku dwar il-letteratura. Beħisibni nidħol fid-dettal fil-qasam tal-poeżija, u din ser tinqasam skont it-tema biex wieħed ikollu stampa ċara tal-istil li l-poeti kienu jħaddmu fil-poeżiji tagħhom lejn tmiem is-seklu 19. Il-letteratura tgħin lill-poplu jiżviluppa fil-qari u anke fil-kreattività tiegħu. Dan huwa l-objettiv primarju ta’ Muscat Azzopardi u dan jagħmlu permezz tal-kitba tiegħu f’gazzetti, fir-rumanzi storiċi u l-poeżiji li kien kiteb biex jinqraw mill-poplu. Nittama li din it-teżina se tgħin lir-riċerkaturi li huma interessati fil-qasam letterarju biex ikollhom tagħrif fuq il-letteratura ta’ tmiem is-seklu 19.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1489
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL021.pdf
  Restricted Access
14BAMAL0212.01 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.