Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1688
Title: Sriep u karattri fir-rumanz ta' Alex Vella Gera
Authors: Zammit, Reanne
Keywords: Maltese literature -- 21st century -- History and criticism
Vella Gera, Alex, 1973- . Sriep regghu saru velenuzi -- Criticism and interpretation
Serpents in literature
Issue Date: 2014
Abstract: Il-kitba ta’ Alex Vella Gera hija għal qalbi ħafna; hija kitba li ssaħħarni u ma nixba’ qatt naqraha. Jiena nemmen li f’letteratura tajba l-artist jitħalla jesprimi ruħu kif jixtieq, mingħajr limiti. Meta artist jitħalla jaqsam mal-pubbliku dak li jħoss u jaħseb bil-mod kif jixtieq hu, xogħlu iktar ikun brillanti għaliex joħorġu aktar it-talent u l-intelliġenza tal-artist. Uħud iħarsu lejn ir-rumanz Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi ta’ Vella Gera bħala xogħol kontroversjali minħabba l-lingwa użata u l-immaġni sesswali dettaljata, pero fl-opinjoni tiegħi u ta’ bosta oħrajn, ir-rumanz huwa eżempju ta’ xogħol eċċezzjonali li fih wara kull kelma miktuba hemm ħsieb profond. Kull kelma tinsab fil-post partikolari tagħha bi ħsieb. Huwa rumanz bi storja interessanti li tiġbdek u żżommok mwaħħla mal-ktieb sal-aħħar, pero hija storja li trid tiġi analizzata fil-fond għax l-awtur jitlob l-involviment tal-qarrejja fl-iżvolġiment tan-nisġa. F’din it-teżi ddeċidejt li niffoka l-aktar fuq il-metafora tas-serp, jiġifieri l-mod ta’ kif dawn il-karattri kontinwament qed jitqabblu ma’ dan l-annimal, speċjalment fl-attitudni tagħhom. F’dan l-istudju niddiskuti r-referenzi diretti għas-sriep fir-rumanz, jiġifieri verbi bħal “serrep,” u nomi bħal “attakk” u ovvjament “serp.” Ħa nħares ukoll lejn dawk ir-referezni li ma humiex daqshekk diretti, dawk il-mumenti meta s-serp fil-karattri jipprova jinħeba wara maskra ta’ innoċenza. Minħabba li r-rumanz li għażilt huwa wieħed twil li kien jirrikjedi qari fil-fond u iżjed minn darba, iddeċidejt li niffoka fuqu biss. Inħoss li jkolli prodott finali iktar serju milli jekk indaħħal rumanzi differenti u nitkellem fuq kull wieħed mingħajr ma nidħol fid-dettall. Iddeċidejt li nħalli barra xi elementi fir-rumanz li wkoll huma interessanti u diskutibbli, bħat-teknika narrattiva ta’ Vella Gera, il-mod kif minkejja li ċerti ġrajjiet iseħħu fil-preżent tal-karattru, l-awtur xorta jagħżel li juża l-passat biex jikkumenta fuqhom. Kien hemm ukoll xi karattri li ma ffokajtx fuqhom daqs karattri oħrajn. Minħabba li dan ir-rumanz ġie ppubblikat fl-2012, ma nkitbux xogħlijiet akkademiċi fuqu ħlief xi artikli u xi intervisti mal-awtur li, ikolli nammetti, ma tantx sibthom ta’ għajnuna. Minħabba f’hekk ma kellix minn fejn nieħu idea ta’ kif nista’ nagħmel l-analizi u ninterpreta r-rumanz. Għaldaqstant, il-kritika li għamilt jien, speċjalment fit-tielet u fir-raba’ kapitlu, hija kollha idea tiegħi, dak li naħseb jien. Minħabba f’hekk f’dawn iż-żewġ kapitli ma stajtx nuża referenzi għal xogħlijiet kritiċi oħrajn. Apparti minn hekk, din hija l-ewwel darba li jien qiegħda nikteb kritika ta’ rumanz fit-tul u f’daqshekk dettall. Għaldaqstant nifhem li jista’ jkun hemm min ma jaqbilx miegħi jew inkella jħoss li esaġerajt f’xi partijiet tal-analiżi. Fl-ewwel kapitlu ta’ din it-teżi ħa nħares lejn xogħlijiet letterarji differenti li jinkludu fihom l-immaġni tas-serp. Ippruvajt nanalizza l-mod kif artisti differenti jippreżentawlna s-serp, jekk hux bħala karattru ħażin jew inkella bħala wieħed tajjeb. Ippruvajt nagħmel riċerka simili għal stejjer mitoloġiċi differenti u fittixt cartoons li għandhom is-serp bħala wieħed mill-karattri fil-ġrajja. Dan il-kapitlu għenni niġbor informazzjoni fuq l-immaġni tas-serp f’kulturi differenti u mbagħad din applikajtha għall-kritika li għamilt fit-tielet u fir-raba’ kapitlu, fejn tkellimt fuq is-sriep fir-rumanz innifsu.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1688
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL031.pdf
  Restricted Access
14BAMAL0311.17 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.