Please use this identifier to cite or link to this item:
https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/29919
Title: | Ir-rappreżentazzjoni tas-sess f’Jutta Heim ta’ Immanuel Mifsud |
Authors: | Sciberras, Maria |
Keywords: | Sex in literature Mifsud, Immanuel, 1967- -- Criticism and interpretation Mifsud, Immanuel, 1967- . Jutta Heim |
Issue Date: | 2017 |
Abstract: | Din it-teżina tistħarreġ il-modi differenti kif jintwera s-sess fir-rumanz Jutta Heim, l-istrateġiji letterarji li jħaddem Immanuel Mifsud u l-effetti tagħhom. L-ossessjoni bis-sess li għandu l-protagonist, Erik Xerri, tiġi trażmessa permezz ta’ dawn l-għodod differenti. Fl-ewwel kapitlu tingħata ħarsa kritika lejn dak li nkiteb dwar it-tema tas-sess fil-letteratura Maltija, lejn x’qalu l-estetisti Maltin li fil-qalba tad-diskors tagħhom iffokaw fuq il-ħażen u l-immoralità, fil-konfini tat-tradizzjoni u l-preċetti tar-reliġjon Kattolika. Il-kapitlu jistħarreġ studju ta’ Oliver Friggieri fuq kif kitbu l-poeti Romantiċi u Moderni, fosthom Mario Azzopardi, Dun Karm, Rużar Briffa, Victor Fenech, u Joe Friggieri. Il-poeti nisa ma jissemmewx. Minbarra l-istudju “Attitudnijiet Sesswali fil- Poeżija Maltija” ta’ Oliver Friggieri, tingħata ħarsa kritika lejn dak li nkiteb fil-proża fiżżewġ teżijiet tal-B.A (Unuri), “Is-Sess u l-Assenza Tiegħu fil-Proża Maltija” ta’ Melanie Schembri u “Is-Sesswalità fil-Proża Maltija tat-Tieni Nofs tas-Seklu Għoxrin” ta’ Jeanelle Azzopardi, li jittrattaw il-perjodu Romantiku, Modern u Kontemporanju. Peress li f’din it-teżi se nistħarreġ ir-rappreżentazzjoni tal-ġisem fir-rumanz ta’ Mifsud għaliex is-sess u l-ġisem ma jistgħux jinfirdu minn xulxin, ħassejt li f’dan ilkapitlu kien xieraq li nagħti rendikont ta’ dak li qal Immanuel Mifsud fl-introduzzjoni tat-teżi tiegħu tad-dottorat, “Studju Dwar il-Ġisem u Xbihat Korporali fil-Poeżija Maltija.” Għażilt li niffoka fuq l-introduzzjoni għaliex tiġbor fiha r-riflessjonijiet ewlenin dwar dak li ntqal fuq il-ġisem. Il-kumplament tax-xogħol ta’ Mifsud niddiskutih filkapitli ta’ wara għaliex inħoss li hu iktar utli nuża l-informazzjoni li sibt f’din it-teżi biex insaħħaħ jew nibni argumenti fil-kapitli l-oħra. Barra minn hekk, iddedikajt taqsima dwar it-teżi ta’ Beverly Agius, “Id-Distakk fl-Intimità: il-Lirika ta’ Immanuel Mifsud,” u għażilt din it-teżi proprju għax tiddiskuti l-figura enigmatika tal-maħbuba li nħoss illi hija relevanti ħafna għal dak li jidher f’Jutta Heim u fil-figura illużiva tagħha stess, avolja Agius tittratta l-poeżija u tuża t-teoriji psikanalitiċi ta’ Sigmund Freud u Carl Jung. Minkejja li nkitbu ħafna xogħlijiet oħra dwar in-narrattiva ta’ Immanuel Mifsud ma stajtx niddiskutihom kollha għaliex it-tul ta’ din it-teżi ma jippermettix iżda l-ideat relevanti li sibt f’teżijiet oħrajn u li b’xi mod daħlu f’ideat li tkellimt dwarhom f’kapitli oħra rreferejt għalihom. It-tieni kapitlu ta’ din it-teżi jittratta r-rappreżentazzjoni tal-ġisem fir-rumanz Jutta Heim u fih jidhru l-perspettivi tal-protagonist Erik Xerri dwar x’inhu sabiħ u x’inhu ikrah. Is-sorsi primarji teoretiċi li ntużaw f’dan il-kapitlu kienu l-kotba ta’ Umberto Eco, On Beauty: A History of a Western Idea u On Ugliness, u t-teżi tad-dottorat ta’ Immanuel Mifsud li għenu biex inbnew argumenti, affermaw jew elaboraw argumenti li diġà kont stabilixxejt. Apparti t-trattament tal-ġisem sabiħ u l-ġisem ikrah, f’dan ilkapitlu ddedikajt taqsima lill-ġisem li jidher bħala identità jew mingħajr identità, u li lqrubija bejn żewġ karattri tidher li hija fiżika biss. It-tielet kapitlu jistħarreġ il-mument tas-sess, reali jew mixtieq, u l-atti talmasturbazzjoni. Barra minn hekk, hemm taqsima li tittratta l-perspettiva maskilista talprotagonist u oħra li tittratta l-waqgħa u l-falliment tiegħu. Għal dan il-kapitlu ntużaw teoriji multidixxiplinari għax suġġett wiesa’ bħalma hu s-sess, ma naħsibx li jista’ jiġi ttrattat minn perspettiva waħda. Fost it-teoriji li ntużaw, hemm dik femminista, b’mod speċjali The Second Sex ta’ Simone de Beauvoir u Sexual Politics ta’ Kate Millett, u xi artikli ta’ femministi oħra. Użajt ukoll żewġ kotba dwar il-psikoloġija tas-sesswalità, Human Sexuality Today ta’ Bruce M. King u The Psychology of Human Sexuality ta’ Justin J. Lehmiller. Madankollu jien ma dħaltx f’dettall meta ħadt miż-żewġ kotba tal-psikoloġija tas-sesswalità għax xi drabi ħassejt li iktar taw rendikont bijoloġiku. Nemmen illi l-karattru tal-protagonist jista’ jiġi studjat minn perspettivi oħrajn, kemm psikoloġiċi, kif ukoll filosofiċi, u dawn is-suġġerimenti se nagħmilhom fil-konklużjoni. F’dan il-kapitlu wkoll użajt it-teżi tad-dottorat ta’ Immanuel Mifsud, u ħadt minn taħdita mhux ppubblikata ta’ Joseph Vella. Fl-appendiċi hemm intervista li saret bil-miktub ma’ Immanuel Mifsud, fil-fażi meta x-xogħol tat-teżi beda jiffinalizza ruħu u dan sar biex il-perspettivi tal-awtur ma jkollhomx impatt ikbar milli hemm bżonn fuq il-qari kritiku tiegħi ta’ Jutta Heim. Ilmistoqsijiet kienu kemm ġenerali, kif ukoll speċifiċi u xi wħud mit-tweġibiet interessanti ħafna t’Immanuel Mifsud intużaw kemm fit-tieni, kif ukoll fit-tielet kapitlu. |
Description: | B.A.(HONS)MALTESE |
URI: | https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/29919 |
Appears in Collections: | Dissertations - FacArt - 2017 Dissertations - FacArtMal - 2017 |
Files in This Item:
File | Description | Size | Format | |
---|---|---|---|---|
17BAMAL020 .pdf Restricted Access | 1.1 MB | Adobe PDF | View/Open Request a copy |
Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.