Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/4017
Title: It-tieni forma verbali : struttura u tifsir
Authors: Grima, Carlston
Keywords: Maltese language -- Verb
Maltese language -- Grammar
Maltese language -- Morphology
Issue Date: 2011
Abstract: L-Għan tal-Istudju L-għan ta’ dan l-istudju hu li jagħti ħarsa dettaljata lejn il-verbi tat-tieni forma. Meta wieħed iqis ilsienna – ilsien qadim – kemm dam ma beda jiġi studjat u r-rata mgħaġġla li biha qed jevolvi, jifhem li għad fadal ħafna studju lingwistiku xi jsir. Ittama tiegħi hi li dan l-istudju jkun ta’ kontribut, imqar żgħir, lejn ix-xjenza lingwistika u lejn l-għarfien ta’ lsienna. Il-Metodu ta’ Studju u Riċerka Kien jeħtieġ li minn kmieni nibda niġbor għall-ewwel darba l-verbi tat-tieni forma mid-dizzjunarji ta’ Ġużè Aquilina u xogħlijiet oħrajn bit-tifsiriet korrispondenti tagħhom. Din il-ġabra kellha sservi bħala l-bażi tat-teżi kollha u kienet tiżgura li f’kull ma jingħad ikun qed jiġi kkunsidrat il-korp sħiħ ta’ dawn il-verbi u mhux kampjun biss minnhom. Xogħol ieħor li kellu jsir kien ħafna qari ta’ xogħlijiet grammatikali. Qattajt bosta sigħat infittex il-kotba, naqra u nniżżel xi punti u noti skont kif kien meħtieġ. Kelli wkoll għadd ta’ diskussjonijiet mat-tutur biex wasalna għall-aħjar deċiżjonijiet. Sibt ukoll l-għajnuna u l-appoġġ tal-Professur Albert Borg li miegħu ddiskutejt xi aspetti ta’ xogħli. Imbagħad bdejt l-analiżi tiegħi dwar dak li qalu grammaturgi oħrajn sa ma f’ċertu punt kelli nibda nagħmel l-għażliet tiegħi. Wara bdiet il-kitba u sigħat ta’ reviżjoni. Waqt il-kitba kemm-il darba kelli nerġa’ ndur lura lejn xi siltiet minn kotba biex inkun ċert mill-fehmiet imfissra fihom. Xi Diffikultajiet Ħafna studenti jħossu li l-lingwistika hi suġġett tqil u xott, iżda jkolli nistqarr li jien insibha interessanti. Dan ma jfissirx li nsibha faċli. Ħafna drabi nsib lili nnifsi nitħabat ma’ ċerti kunċetti jew ideat u jkolli ngħid li tqal sibthom. Iżda meddejt għonqi għax-xogħol, xogħol li kien jitlob ħafna paċenzja u tfittix fit-tul. Diffikultà oħra kienet il-ħin. Minkejja li bdejt naħdem fuq it-teżi xhur ilu, xorta waħda sibtni magħfus bil-ħin għaliex jidħlu impenji oħra, universitarji u mhux, li huma wkoll ikun jeħtiġilhom ix-xogħol u jridu l-ħin tagħhom. Il-Fasla tal-Kapitli L-ewwel kapitlu hu maħsub biex jagħti ħarsa ħafifa u ġenerali lejn it-tematika li se tkun diskussa. Il-kapitli minn tnejn sa erbgħa huma marbutin flimkien għax isegwu loġikament wieħed mill-ieħor. It-tielet kapitlu jagħti ħarsa lejn it-tieni forma verbali mil-lat tal-forma jew il-binja tagħha u l-iżvilupp u l-interpretazzjonijiet kollha tagħha minn għadd ġmielu ta’ grammaturgi. Jagħti ħarsa wkoll lejn it-tnissil grammatikali ta’ din il-forma u juri wkoll il-karatteristiċi, il-konjugazzjoni u l-assoċjazzjonijiet kollha ta’ din il-forma verbali. Ir-raba’ kapitlu jippreżenta l-aspett semantiku ta’ din il-forma. Fih rajna ttifsiriet differenti li ġew assoċjati magħha – aktarx f’ġerarkiji differenti – fid-diversi xogħlijiet grammatikali. Osservajna wkoll ir-rabtiet semantiċi ta’ forom grammatikali oħra ma’ din il-forma. Minkejja li l-kapitli dwar il-forma u t-tifsira fridniehom minn xulxin, dejjem żammejna f’moħħna li l-istruttura u t-tifsira ta’ din il-forma huma interdipendenti u komplimentari għal xulxin. Fridniehoim biss għal raġuni ta’ studju fid-dettall. Il-ħames kapitlu jagħlaq dan ix-xogħol billi jagħti ħarsa lejn id-derivattivi nominali ta’ din il-forma, jiġifieri n-nom verbali, il-partiċipji u n-nom tal-aġent. Biex dan ix-xogħol ikun ta’ siwi akbar għal min irid ikompli jistħarreġ din ilforma, ħsibna li fl-appendiċi nagħtu l-ewwel il-lista sħiħa tal-verbi tat-tieni forma li ġbarna bit-tifsir tagħhom, imbagħad il-lista tal-verbi mistħajla tat-tieni forma, jiġifieri dawk maħluqa mil-lessikografi permezz tal-analoġija.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/4017
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2011

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
11BAMAL018.pdf
  Restricted Access
3.99 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.