Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/47995
Title: Is-santi tal-mejtin f’Malta : minn sfond storiku Ewropew sa reġistru u stil
Authors: Bezzina, Martina
Keywords: Holy cards -- Malta
Christian art and symbolism -- Malta
Printed ephemera -- Malta
Funeral prayer cards
Issue Date: 2019
Citation: Bezzina, M. (2019). Is-santi tal-mejtin f’Malta : minn sfond storiku Ewropew sa reġistru u stil (Bachelor’s dissertation).
Abstract: Dan l-istudju dwar is-santi tal-mejtin intgħażel għar-raġunijiet diversi. Raġuni prinċipali hija li titwassal l-idea li s-santi tal-mewt mhumiex biss medju ta’ sogħba u niket, iżda jistgħu jiġu apprezzati wkoll għall-aspetti bijografiku, konsolatorju, u sempliċiment artistiku tagħhom. It-tieni raġuni hija għaliex is-santi tal-mewt għandhom reġistru, formoli u teknika partikolari li, għalkemm jixxiebhu mal-letteratura, jintużaw fi prassi reliġjuża fejn in-natura eleġijaka ta’ dan il-medju tagħtih id-dritt li jitqies bħala forma artistika b’użu prattiku, spiritwali daqskemm terapewtiku. Dan il-qasam ftit ġie analizzat qabel u b’hekk se nkun qed nagħti kontribut lil-lingwa Maltija billi nuri t tħaddim ta’ effetti letterarji u stilistiċi sempliċi bil-Malti f’dan il-kuntest speċifiku. Bħala sors ewlieni se nkun qiegħda nuża kampjun mis-santi miġburin mill kollezzjonist Eman Bonnici u mogħtijin lill-Arkivji Nazzjonali; madanakollu, se nanalizza wkoll xi santi oħra li tatni l-infermiera u l-versifikatriċi Mary Rose Bugeja. Fl-appendiċi se ninkludi wkoll sezzjoni ta’ xi santi miġburin minn kollezzjonist ieħor li xtaq jibqa’ anonimu. Apparti dawn is-santi se nanalizza wkoll xi santi li tawni n-nies in ġenerali meta skoprew li qed nagħmel dan ix-xogħol. Minħabba li din l-analiżi kellha bilfors tiġi delimitata b’parametri stretti, iffukajt fuq l-aktar eżempji relevanti mill-ġabra tas-santi li ksibt, jiġifieri t-teżi tiffoka fuq kampjun rappreżentattiv ħafna tal-bqija. Il-perjodu kopert huwa dak tal-aħħar tas-seklu 19 sas-seklu 21, iżda għalkemm instabu ftit santi tal-ewwel seklu msemmi, xorta inkludejthom biex nuri l-iżvilupp matul is-sekli. Minħabba n-natura innovattiva ta’ dan is-sors fir-riċerka tat-tħaddim tal-Malti hu xieraq li t-tieni kapitlu jittratta l-istorja tas-santa, li hija tradizzjoni akbar u itwal minn dik Maltija. Iżda is-santa Maltija daħlet f’din l-istorja u kompliet issegwi t tradizzjonijiet u d-drawwiet antiki partikolari bil-format stabbilit tagħha. Għalhekk il metodoloġia tat-tieni kapitlu se tkun ta’ riċerka storika fil-kuntest Ewropew: l-ewwel se nirrikorri għal xogħlijiet li jitkellmu fuq is-santa qaddisa bħala artefatt qed jiżviluppa biex nuri li s-santa tal-mewt ħarġet mis-santa qaddisa. Imbagħad se nistħarreġ fuq il lapidi fil-perjodu Ruman biex nuri x-xebh tal-memorja fil-kuntest tal-mewt. Wara se nfittex fuq l-istadju l-aktar bikri tas-santi tal-mewt meta kollox kien isir bl-idejn għax ma kinux jeżistu stamperiji. Imbagħad se nitkellem fuq il-perjodu fejn jibdew diħlin l istamperiji u l-fotografija biex nittratta dan il-medju viċin żmienna. Fl-aħħar parti se niddiskuti l-evoluzzjoni tas-santi misjubin f’Malta matul is-sekli u se nanalizza wkoll santa waħda fid-dettall biex inħejji t-triq għall-kapitli analitiċi ta’ wara billi nuri kif karta ċkejkna tista’ tkun magħmula minn bosta fatturi. Prinċipju metodoloġiku kostanti li se jiġi stabbilit f’dan il-kapitlu u li se jkompli jitħaddem sal-aħħar se jkun il-konċentrazzjoni fuq l-ikonografija Nisranija; fi kliem ieħor din se tkun ħajta metodoloġika kontinwa fit teżi. It-tielet kapitlu se jittratta r-reġistri rikorrenti fis-santi tal-mejtin, dak smewwi u dak pajsaġġistiku, biex jiġi stabbilit il-pedament lessikali li d-diskors liriku jibni fuqu biex toħroġ il-figurazzjoni li se tiġi analizzata f’dan il-kapitlu, u f’aktar dettall stilistiku fir raba’ wieħed. Fuq dan il-pedament jinbnew ukoll l-evokazzjonijiet popolari marbutin mar-reġistru. Minkejja li dawn il-versi m’għandhomx livell letterarju għoli, xorta waħda jinqdew bl-għodda tal-figurazzjoni u għalhekk il-qofol tal-metodoloġija fit-tielet u r- raba’ kapitlu se tkun l-istess bħal tal-kritika letterarja. Minħabba li se nimxi mal-qari bir reqqa tat-test jista’ jingħad li se nimxi mal-Kritika l-Ġdida. Fit-tielet u r-raba’ kapitlu l- ewwel se jiġu analizzati l-poeżiji miktubin minn versifikaturi midħla fil-qasam tas-santi, imbagħad se jiġu analizzati s-santi miktubin minn bnedmin mhux midħla f’dan il-qasam, mis-seklu 19 sal-lum. Dan il-metodu se jseħħ bil-għan li juri l-varjetà fit-tekniki u l-istili. Il-kwotazzjonijiet kollha li se jittieħdu mis-santi se jingħataw fil-verżjoni oriġinali biex jinżamm il-karattru tagħhom, iżda dawk ortografikament żbaljati se jkunu mmarkati. Dan ma jgħoddx għall-versi li nkitbu qabel l-1934 minħabba li kien għadu ma ġiex stabbilit l-alfabett Malti. Il-parametri analitiċi tal-aħħar żewġ kapitli se jiġu spjegati f’dettall akbar fil-parti introduttiva tat-tielet kapitlu. Imbagħad fit-tielet kapitlu se nirriċerka r-reġistri tipiċi in ġenerali fil-versi tal-mejtin u fl-eleġiji bħala bażi għall-kapitlu kollu. Wara dan se nanalizza l-versi li fihom konnotazzjonijiet divini fil-vokabolarju smewwi, b’referenza għal xogħlijiet teoretiċi relevanti. L-istess japplika għas suġġerimenti temporali fil-lessiku tal-pajsaġġ u għat-tekniki figurattivi tar-raba’ kapitlu. Fl-aħħar parti tal-kapitlu se nagħmel punt konklużiv biex mir-reġistru nħejji triq għat teknika fl-aħħar kapitlu. Fir-raba’ kapitlu se nanalizza it-tliet tekniki figurattivi tal metafora konkretistika, is-similitudni u s-sineddoke wara li nagħti r-raġuni għala għażilt dawn it-tekniki li huma rappreżentattivi ta’ tekniki oħrajn f’dan il-kuntest partikolari. Minkejja l-limitazzjonijiet taż-żmien u l-ispazju, ħejjejt ukoll żewġ intervisti, waħda mal-kollezzjonist u l-oħra mal-versifikatriċi msemmijin. B’hekk, il-qarrej se jara t tradizzjoni b’saħħitha tas-santi tal-mejtin minn perspettivi Maltin differenti.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/47995
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2019
Dissertations - FacArtMal - 2019

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
19BAMAL007.pdf
  Restricted Access
13.32 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.