Please use this identifier to cite or link to this item:
https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/5334
Title: | Il-vuci narratrici fir-rakkont Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) |
Authors: | Mazzitelli, Ruth |
Keywords: | Narration (Rhetoric) Mifsud, Immanuel, 1967- Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) -- Criticism and interpretation Maltese literature -- 20th century |
Issue Date: | 2012 |
Abstract: | Mieke Bal targumenta li n-narratur huwa l-iżjed kunċett ċentrali fl-analiżi tat-testi letterarji (18). Madanakollu, il-kunċett ta’ narratur hu wieħed kumpless minħabba li l-elementi li jsawru l-vuċi li tirrakkonta huma amalgamazzjoni ta’ ħafna strateġiji, narraturi u mekkaniżmi letterarji li mhumiex daqstant evidenti. Probabbilment, il-preżenza tan-narratur fit-test letterarju għandha sehem kruċjali fil-binja tat-test innifsu. Julia Van Gunsteren, targumenta li “l-identità tan-narratur, il-parteċipazzjoni tiegħu, il-perċezzjoni tiegħu u l-għażliet tiegħu li jiġu implikati, kollha jagħtu lit-test il-karattru speċifiku tiegħu;” in-narratur huwa “l-aġent (il-medju) li jiddeċiedi l-forma tan-narrattiva u li jipproduċi s-sinjali lingwistiċi fi ħdan din il-forma, li kollha flimkien jikkostitwixxu n-narrattiva” (100). Van Gunsteren targumenta li dan il-kunċett huwa iktar espliċitu minn dak li jistqarr Rimmons meta jiddefinixxi n-narratur bħala “l-aġent li bażikament jirrakkonta jew jinvolvi ruħu f’xi attività li sservi l-ħtiġiet tar-rakkontar” u minn dak li tistqarr Bal li n-narratur huwa “dak l-aġent li jlissen is-sinjali lingwistiċi li jikkostitwixxu t-test.” Dawn il-kwalitajiet u l-funzjonijiet jistgħu jiġu applikati għan-narratur ta’ Immanuel Mifsud fir-rakkont Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben), li bħala aġent jipparteċipa u jinqeda bil-perċezzjoni biex jimxi minn sinjal lingwistiku għal ieħor għal raġunijiet diversi, biex jislet xi ton, burdata, identità, stil espressiv jew aspett letterarju ieħor. Biex jiġu mistħarrġa dawn il-kwalitajiet, wieħed għandu jqis għadd ta’ mistoqsijiet preliminari. Min hu n-narratur? X’inhi l-funzjoni tan-narratur fi ħdan it-test? X’inhuma l-karatteristiċi li bihom Mifsud jiddistingwi lin-narratur tiegħu minn narraturi oħra possibbli? Fuq kollox, x’inhuma l-elementi li flimkien isawru l-vuċi li tirrakkonta? Dawn il-mistoqsijiet u oħrajn se jiġu analizzati matul din it-teżina li tistħarreġ l-elementi kostitwenti tal-vuċi li tirrakkonta. L-ewwel kapitlu jiżvela l-multipliċità ta’ ġeneri letterarji li jsawru lin-narratur ta’ Mifsud. Huma diversi l-elementi li jinqeda bihom l-awtur biex jibni metodi ta’ rakkontar għall-udjenza tiegħu. Dan il-kapitlu se jiffoka fuq is-sorsi u l-ġeneri letterarji biss bħala l-ewwel għażla fundamentali għall-vuċi li tirrakkonta. Dawn is-sorsi u l-ġeneri huma awtorevoli, u jixhdu li l-ebda vuċi narrattiva ma tinbena mingħajr għajnuna ta’ xogħlijiet preċedenti li fit-tradizzjoni letterarja kisbu ċerta fama. Jixhdu wkoll li leħen in-narratur jissawwar minn multiċiplità ta’ kulturi u medji li kisbu matul iż-żmien ir-rispett ta’ ħafna qarrejja. It-tieni kapitlu se jiffoka fuq in-nisġa ta’ ilħna diversi fil-metodu ta’ rakkontar, fejn in-narratur li jippredomina f’Mifsud jirrakkonta daqqa fl-ewwel persuna, u daqqa fit-tieni jew fit-tielet. Barra minn hekk, se jintwera kif il-vuċi tan-narratur li hija amalgamazzjoni ta’ ħafna vuċijiet flimkien xi drabi toħloq awbigwità, l-aktar meta l-identità tal-vuċi tkun moħbija. F’waqtiet, kif se jintwera, it-trasformazzjoni ta’ persuna li qiegħda titkellem f’oħra tant issir b’mod immedjat jew mgħaġġel li tingħata limpressjoni ta’ ġemgħa ta’ identitajiet f’narratur wieħed. Fl-aħħarnett, it-tielet kapitlu jistħarreġ il-mekkaniżmi rettoriċi u figurattiv li jsawru l-leħen tan-narratur biex jagħtuh karattru espressiv, tant li jagħmluh stilizzat, l-aktar permezz ta’ assoċjazzjonijiet, simboli, u konnotazzjonijiet moħbija. |
Description: | B.A.(HONS)MALTESE |
URI: | https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/5334 |
Appears in Collections: | Dissertations - FacArtMal - 2012 |
Files in This Item:
File | Description | Size | Format | |
---|---|---|---|---|
12BAMAL012.pdf Restricted Access | 891.11 kB | Adobe PDF | View/Open Request a copy |
Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.