Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/6378
Title: It-teorija tar-rispons tal-qarrej b’referenza għal "Xibkatuliss"
Authors: Scicluna, Kirsten
Keywords: Reader-response criticism
Massa, Daniel, 1936- Xibkatuliss -- Criticism and interpretation
Maltese poetry -- 20th century
Issue Date: 2015
Abstract: Huwa kruċjali li l-qarrej iżomm f’moħħu li qabel ma jiftaħ ktieb diġà għandu sens letterarju u dinja familjari li se jgħinuh jifhem x’jittratta t-test, għarfien li fit-Teorija tar-Rispons tal-Qarrej jissejjaħ “ir-repertorju tal-qarrej.”Jekk il-ktieb jinfetaħ biex jiġġarrab motif magħruf, xorta waħda se joffri esperjenza ġdida dwar kif taħdem din it-tema u sa fejn ser twassal. Ħafna poeżiji jagħtu motif, skema ta’ ħsibijiet jew disinn li mhumiex kompluti, ċari, jew konklużivi. Dan l-istudju bbażat fuq il-mod kif il-qarrej jibni l-għarfien tat-test u tal-oġġett estetiku ftit li xejn ġie rriċerkat fil-letteratura Maltija. Għalhekk, ingħażlet it-Teorija tar-Rispons tal-Qarrej biex tingħata xejra relattivament ġdida ta’ kif wieħed jista’ janalizza l-poeżiji mill-angolu massimu tal-qarrej. Kif se turi t-taqsima li ssegwi, jixraq li t-teorija tiġi illustrata b’referenza għal xogħol poetiku Malti, f’dan il-każ il-ktieb Xibkatuliss ta’ Daniel Massa. It-Teorija tar-Rispons tal-Qarrej tagħti prominenza lill-qarrej, b’mod speċjali l-irwol tal-interpretu biex jattiva (jagħti l-ħajja estetika) lix-xogħol letterarju. L-iskola ta’ kritika dwar ir-Rispons tal-Qarrej tnisslet madwar l-1970 u bdiet bħala reazzjoni għall-formalisti għaliex ikkonċentraw biss fuq it-test u injoraw kompletament il-kontribut tal-qarrej. It-test letterarju jista’ jieħu l-ħajja artistika tiegħu biss mill-qarrej. Fost it-teoristi li taw kontribut biex din it-teorija tibqa’ miexja ’l quddiem u tħalli l-frott fl-interpretazzjoni tat-test kien hemm dawn il-figuri: Louise Rosenblatt, Hans-Robert Jauss, Wolfgang Iser, Stanley Fish, Norman Holland, David Bleich u Jonathan Culler. It-teorija ta’ wħud minn dawn l-esponenti tar-Rispons tal-Qarrej ġiet applikata u analizzata bir-reqqa sabiex jispikkaw l-attivazzjonijiet jew l-attwalizzazzjonijiet diversi tal-poeżiji tal-ġabra Xibkatuliss. Fl-introduzzjoni ta’ din l-antoloġija, Peter Serracino Inglott jimplika li jrid isib post ideali biex jikteb erba’ kelmiet (ix). Dawn il-kelmiet iqabbilhom ma’ flixkun li ser jawgura u jagħti r-risq it-tajjeb lill-bastiment li ser jivvjaġġa. Serracino Inglott juża l-istess tip ta’ kuntest ta’ vjaġġ b’referenza għall-ġrajjiet ta’ Ulisse. Dan ifisser li anke l-introduzzjoni turi li Massa mhux ser jintervjeni fid-diskors poetiku bħala leħen awtorevoli, iżda ser joffri lill-qarrej ġest artistiku li jitkompla bl-interpretazzjoni biex il-qarrej jissokta jibni l-oġġett estetiku. Fl-introduzzjoni Serracino Inglott joffri distinzjoni fundamentali dwar żewġ ibħra li skontu tidher fil-poeżiji ta’ Massa: il-baħar Mediterran (dak “il-baħar imdawwar bl-art” skont id-deskrizzjoni tal-isem antik tiegħu li jfisser iċċirkondat mill-art, jew baħar li ma għandux nuqqas ta’ konfini) u l-oċean Atlantiku (“il-baħar miftuħ”). Dan il-kuntrast joħloq ftuħ limitat tal-baħar Mediterran f’kuntrast mal-ftuħ bla limitu tal-Atlantiku, għaliex fil-kobor bla konfini tal-Oċean wieħed iħossu relattivament aktar liberu. Fi kliem ieħor, il-qarrej għandu jattwalizza l-poeżija bħallikieku qiegħed f’oċean bix-xejriet tal-Mediterran, jew bil-konfini ta’ baħar magħluq, jiġifieri estetikament liberu mqar jekk ġej mill-kuntest kulturali relattivament magħluq tal-baħar iċċirkondat bl-art.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/6378
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2015

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
15BAMAL025.pdf
  Restricted Access
1.07 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.