Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/6382
Title: Ir-reġistru tal-kaċċa u l-insib
Authors: Cutajar, Marija
Keywords: Hunting -- Malta -- Terminology
Trapping -- Malta -- Terminology
Register (Linguistics)
Issue Date: 2015
Abstract: “Delizzju”, “Passatemp” jew “Namra”? Il-kaċċa u l-insib huma żewġ passatempi li ilhom magħna għal medda ta’ żmien twil. Huma passatempi li min jipprattikahom, jipprattikahom b’tant passjoni li saħansitra jirreferu għalihom bħala “namra” aktar milli “passatemp” jew “delizzju” Il-kelma “delizzju” ma tiddeskrivix eżattament il-passjoni li għandhom dawn in-nies għal dan il-“passatemp”. U biex inkun għidt kollox lanqas il-kelma “passatemp” ma hija eżatta. Nibdew bil-kelma “delizzju”, fejn għall-kaċċatur jew in-nassab il-kaċċa jew l-insib huma aktar minn “delizzju”, il-kaċċa u l-insib huma l-“ħajja” ta’ min jipprattikahom. Fil-vokabularju ta’ dawn in-nies hemm ukoll il-kelma “namra” li f’dan il-kuntest toqgħod aktar, għaliex turi ċertu passjoni lejn id-“delizzju”. Il-kaċċaturi u n-nassaba nfushom jagħmlu distinzjoni bejn “namra” u “passatemp”. Bħala eżempju biex niddistingwi “namra” minn “passatemp” nista’ nġib dan li ġej: meta wieħed imur jispara fuq il-plattini dan jissejjaħ “passatemp” filwaqt meta wieħed joħroġ għall-kaċċa jew għall-insib dan huwa “namra”. Fil-fatt issib min jgħidlek li “n-namra hija passa jew passjoni”. F’dan il-każ “passjoni” għandha sens negattiv, fis-sens li jew tiġi passa tajba jew inkella biex jidher jew taqbad xi ħaġa trid tara l-passjoni. (Fenech, 2010, p. 56). Hemm min jgħid ukoll li hawn Malta “l-kaċċa bħal lotterija” jiġifieri jekk wieħed ikollu n-“namra” tal-kaċċa ser iqum kmieni biex joħroġ għall-kaċċa, b’dak l-entużjażmu fuqu, imma ma jkunx jaf jekk hux ser imissu xi ħaġa dakinhar, jew ma jafx jekk hux ser jidher xi ħaġa. Ħafna kaċċaturi u nassaba jgħidu li dan huwa s-sabiħ tal-kaċċa u l-insib, għax iħallik entużjast. Il-kaċċa mhux minn dejjem kienet passatemp, anzi fiż-żmien qabel mal-bniedem irrealizza li seta’ jrabbi l-annimali huwa stess, kien mezz kif wieħed jitma’ l-familja tiegħu. Għaldaqstant wara li l-kaċċatur tgħallem ikabbar il-ħxejjex u jrabbi l-annimali tiegħu, il-kaċċa saret delizzju. Għall-bidu li l-kaċċa kienet delizzju, kienet id-delizzju tal-kolti, sa anki rejiet u granmastri kienu joħorġu għall-kaċċa u mhux kaċċa tal-għasafar biss iżda anke għall-kaċċa talfenek selvaġġ. Iżda ż-żmien inbidel u l-kaċċa saret tip ta’ sport li jista’ jipprattikah kulħadd. Madankollu ta’ min wieħed jgħid li rari ssib min jibda jipprattika dan id-delizzju jekk ma jkollux xi ħadd mill-familja li jkun joħroġ għall-kaċċa wkoll. Xi kaċċaturi jsostnu li n-namra trid tkun ġo fik, saħansitra meta tkellimt ma’ kaċċaturi li huma qrib tiegħi qaluli li “kaċċatur jitwieled kaċċatur u mhux isir”. L-istess bħall-kaċċa, l-insib huwa delizzju jew aħjar namra li ilu jiġi prattikat għal żmien twil. L-insib jista’ jiġi prattikat b’modi differenti, dejjem skont għal liema għasafar wieħed ikun qed jonsob. Iżda l-insib għall-għasafar tal-għana huwa l-aktar insib li huwa prattikat hawn Malta. Apparti l-insib għall-għasafar tal-għana, hemm ukoll tal-imlievez, tal-gamiem, tal-pluvieri u qabel kien hawn ukoll l-insib tal-pitirossi li kien isir permezz tat-trabokki, iżda llum il-ġurnata linsib tal-pitirossi huwa illegali. Żmien ilu kienu jsejħu lin-nassaba “sajjieda tal-għasafar”, dan għaliex biex jonsbu jużaw ix-xbiek bħalma s-sajjieda jużawhom biex jaqbdu l-ħut. Agius De Soldanis jiddefinixxi “mansab” bħala post fejn “wieħed jista’d għall-għasafar”. Fenech jgħid li wieħed jista’ jassumi li l-insib hawn Malta beda bejn wieħed u ieħor fi żmien meta ġew joqogħdu l-Għarab hawn Malta, iż-żmien ta’ bejn 870 u l-1090. Fenech qed isostni dan peress li l-kliem “mansab”, “insib” u “xibka” ġejjin mil-lingwa Għarbija (Fenech, 2010, p. 68).
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/6382
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2015

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
15BAMAL010.pdf
  Restricted Access
3.8 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.