Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/6425
Title: Termini mediċi popolari : studju lessikali
Authors: Pace, Darrel
Keywords: Register (Linguistics)
Sociolinguistics -- Malta
Medicine -- Terminology
Issue Date: 2015
Abstract: Din it-teżina hi dwar il-lingwaġġ mediku, b’mod partikolari dwar termini popolari li għandhom x’jaqsmu ma’ mard, kundizzjonijiet u sintomi mediċi bħal ‘ballu San Vitu’, ‘dieħes’, ‘ħruq ta’ stonku’ u l-‘marda taz-zokkor’. Għal dan l-istudju ma inkludejtx termini li huma marbutin mal-kura u l-fejqan bħal ‘fintusi’, ‘fumenta’, ‘ġbara’ u ‘qratas’ iżda ffukajt fuq qasam wieħed. L-għanijiet Dan l-istudju għandu żewġ għanijiet. L-ewwel għan hu li jagħmel ġabra kemm jista’ jkun wiesgħa ta’ termini mediċi popolari. It-tieni għan hu li jistħarreġ l-użu ta’ wħud minnhom fost numru ta’ kelliema tal-Malti skont tliet fatturi soċjolingwistiċi: l-età, ilġeografija u s-sess. X’inhu popolari? F’dan l-istudju hemm miġburin ’il fuq minn 400 terminu mediku popolari dwar mard u sintomi differenti. Il-kunċett ta’ dak li jista’ jitqies popolari f’dan l-istudju, jinqasam fi tliet partijiet: 1) Il-biċċa l-kbira ta’ dawn it-termini popolari jissejħu hekk għax huma mifruxin fost il-poplu għax mhumiex termini tekniċi. Eżempju ta’ dan nistgħu narawh fit-terminu, ‘misdud’ jew ‘seqi’. 2) F’xi wħud mill-każi, hemm termini li mhumiex tekniċi iżda mhumiex mifruxin fost il-ġenerazzjonijiet u l-lokalitajiet kollha, u aktarx se ssib parteċipanti differenti li jew ma jafuhomx jew jafu t-tifsira tat-termini. Eżempju ta’ dan ittip nistgħu narawh f’‘aħtriq’ jew ‘qrada’ li aktarx huma iktar popolari fost innies ta’ ġenerazzjoni kbira. Min-naħa l-oħra hemm termini li mhumiex tekniċi iżda mhumiex mifruxin fost il-ġenerazzjonijiet il-kbar bħal ‘għandi griżmejja xejn sew’ jew l-espressjoni ewfemistika ‘għandu tal-moda’. 3) Hemm dawk it-termini li għalkemm jistgħu jitqiesu tekniċi, maż-żmien bdew jintużaw ta’ spiss u tilfu l-element ta’ tekniċità, bil-konsegwenza li bdew jintużaw minn ħafna iktar nies u spiċċaw mifruxin fost ġenerazzjonijiet u lokalitajiet differenti. Dan il-każ nistgħu narawh l-iktar f’termini bħal, ‘dijabete’, ‘glawkoma’ u ‘ostjoporosi’. Fi kliem ieħor, il-popolari mhuwiex it-terminu mifrux u li jintuża minn kulħadd biss, iżda hu wkoll dak it-terminu li joqgħod tajjeb għal-lingwa tal-poplu għax it-tifsira tiegħu tinftiehem mal-ewwel.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/6425
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2015

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
15BAMAL018.pdf
  Restricted Access
2.44 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.