Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/79889
Title: L-għana tal-fatt fit-tieni nofs tas-seklu dsatax
Authors: Camilleri, Ritianne (2021)
Keywords: Popular culture -- Malta -- History -- 19th century
Folk music -- Malta -- 19th century -- History and criticism
Għana (Music)
Issue Date: 2021
Citation: Camilleri, R. (2021). L-għana tal-fatt fit-tieni nofs tas-seklu dsatax (Bachelor's dissertation).
Abstract: F’kuntrast mal-ħila tassew limitata fil-kitba u fil-qari tal-poplu Malti tat-tieni nofs tasseklu dsatax, ġeneri orali bħall-għana tal-fatt kellhom il-mezzi popolari tagħhom kif jaħżnu kemm il-kronaka kif ukoll is-sentimenti u t-tagħlimiet marbutin magħha. Fi skema regulata b’funzjoni mnemonika, dan il-ġeneru jesprimi attitudni sensazzjonali lejn avvenimenti storiċi b’laqta makabra fi żvolġiment traġiku u kultant bi klima li toqrob lejn il-fataliżmu. B’mod ġenerali, xi għamla jew oħra tal-fatt ivversifikat akkumpanja lill-bniedem sa minn perjodi bikrija u f’diversi ċirkostanzi tal-ħajja. L-analiżi inqasmet fi tliet kategoriji li jiena qisthom essenzjali għal dan il-ġeneru partikolari. It-tieni kapitlu primarjament jiffoka fuq l-effetti temperamentali u emottivi mqanqla mill-pass meqjus tal-ottonarju, ritmu innat fl-inkonxju tal-bniedem Malti li bil-ħeffa tipika tiegħu jwitti triq għal żvolġiment narrattiv rapidu sabiex jintlaħaq il-kulminu aħħari bi progress ineżorabbli, tant li r-ritmu minnu nnifsu jsir it-tħabbir tad-destin inevitabbli u ppredestinat, kemm tal-wettieqa tad-delitt kif ukoll tal-ħati. Analizzajt ukoll kif dan ir-ritmu jispikka aktar fil-konċiżjoni tipika ta’ dan il-ġeneru fattwali, li minkejja d-dehra simplistika tiegħu għandu diversi kumplessitajiet moħbija, bħat-tlaqqigħ tal-kreattività evokattiva fi skema konvenzjonali diġà stabbilita fil-kuxjenza popolari, jew it-taħlita tad-divertiment bis-sensazzjonaliżmu mal-ħila tar-rappurtaġġ preċiż. Apparti minn hekk, il-kapitlu janalizza ċerti tekniċi letterarji bħar-rima mqabbża, għodda poetika li f’din l-iskema pjuttost ripetittiva mhix sempliċiment għamla dekorattiva jew stilistika, iżda hija għodda mnemonika kruċjali li kontinwament toħloq relazzjonijiet ironiċi u imprevedibbli bejn l-aspetti tematiċi ewlenin tal-poeżija. Finalment, il-kapitlu jisħaq ukoll fuq kif l-uniformità tipika ta’ din l-istruttura titnissel minn tifsila tassew skematizzata u formulajka tas-sintassi, li tistabbilixxi rrikorrenza tal-qafas performattiv bejn l-għanjiet, tant li l-udjenza tassimila ruħa mal-ġrajjiet irrakontati skont qafas mistenni, huma x’inhuma d-dettalji aċċidentali tal-fatt. It-tielet kapitlu, filwaqt li jfittex jesponi l-mezzi rettoriċi mħaddma bħallikieku huma aspetti intrinsiċi tal-kronoka fattwali, janalizza wkoll il-ħsus emottivi li jitnisslu fl-udjenza matul il-kompilazzjoni narrattiva tal-azzjonijiet. L-użu strateġiku tal-patos f’diversi għanjiet jintensifika dawn il-ħsus, bl-iskop li jimmanipula l-atteġġjament tal-udjenza lejn l-azzjonijiet u min iwettaqhom. Apparti minn hekk, f’dan il-ġeneru b’element storiku l-ironija drammatika, bosta drabi akkumpanjata minn teknika li tqanqal teħbir, kellha siwi fundamentali: kienet tqawwi l-ħsus patetiċi diġà intensi tal-udejnza permezz ta’ ħarsa profetika lejn futur fatali għallkarattri. L-għodod rettoriċi, għalhekk, qawwew ukoll is-sens ta’ impotenza quddiem il-futur predestinat tal-karattri, żvolġiment li l-udjenza setgħet titqanqal dwaru mingħajr ma tintervieni fih jew tibdlu. Element addizzjonali iżda ta’ importanza ugwali f’dan il-kapitlu hu limplimentazzjoni ta’ għodod poetiċi bħall-metafora u l-analoġija, x’aktarx applikati mill-versifikatur b’mod intuwittiv aktar milli b’xi għarfien studjat tat-teknika letterarja. Dan ikompli jixhed il-valur ta’ dan il-ġeneru popolari intriganti li ħoloq interazzjoni spontanja u naturali bejn il-ħiliet narrattivi u rettoriċi li ħtieġ l-għannej u l-udjenza tiegħu li diġà taf il-fatt iżda jeħtiġilha tinħakem mill-ġdid mir-rakkont tiegħu. Ir-raba’ kapitlu essenzjalment jiffoka fuq l-abbiltà rakkontattiva innata fil-bniedem u jargumenta kif il-bniedem uża l-possibbiltajiet innovattivi tar-rakkont kemm bħala sors ta’aljenazzjoni soċjali mir-realtajiet ħarxa tal-ħajja kif ukoll bħala mezz ta’ reġistrazzjoni tal-istess ħajja. F’linja ma’ dan il-punt, l-għana tal-fatt kellu jsib kompromess bejn, fuq naħa, l-iskop ewlieni li jeduka lill-udjenza permezz ta’ ġrajja vera bi tmiem didattiku li jipprova jevita traġedji simili fil-futur u, fuq in-naħa l-oħra, il-gost bl-eżekuzzjoni kreattiva tal-fatt, ikkundizzjonata mill-istrateġiji rivelatorji tal-plott (il-peripeteja, l-anagnorisi u l-prolessi) li jesponu lill-udjenza għal żvolġiment intriganti mqar fil-linearità tipika tiegħu. Element narrattiv ieħor f’din it-taqsima kien ir-rwol fundamentali tal-karatterizzazzjoni, il-binja talaġenti tal-ġrajja li mingħajrhom ma tista’ sseħħ l-ebda forma ta’ azzjoni. Il-karattri f’dan ilġeneru huma ċatti fil-maġġorparti tagħhom, iżda b’eċċeżżjoni ’l hemm u ’l hawn ta’ karattri ftit aktar profondi fil-ħsieb u l-azzjonijiet suspettużi tagħhom. L-aħħar aspett, xejn inqas kruċjali, analizzat f’dan il-kapitlu ddedikat lir-rakkuntar huwa n-narratur, li jvarja fl-impenn rakkontattiv tiegħu bejn leħen bi grad ta’ omnixxjenza sa assenza apparenti f’rakkont iddrammatizzat, speċjalment b’diskors dirett.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/79889
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2021
Dissertations - FacArtMal - 2021

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
21BAMAL003.pdf
  Restricted Access
186.13 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.