Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/82089
Full metadata record
DC FieldValueLanguage
dc.date.accessioned2021-10-13T13:18:43Z-
dc.date.available2021-10-13T13:18:43Z-
dc.date.issued2021-
dc.identifier.citationFarrugia, W. (2021). Il-kostruzzjoni tan-nazzjon fil-poeżija ta’ Oliver Friggieri (Master's dissertation).en_GB
dc.identifier.urihttps://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/82089-
dc.descriptionM.A.(Melit.)en_GB
dc.description.abstractDin it-teżi tħares lejn kif il-lingwa poetika ta’ Friggieri tirrakkonta s-soċjetà permezz tal-għodod kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-poeta, fosthom l-istruttura u l-għażla tal-versi, bħat-tħaddim regolari tal-endekasillabu, li jħallu sens ta’ dinjità, patrimonju u ordni. Friggieri jibqa’ jħaddem ir-rima tradizzjonali anke jekk qed jittratta temi kurrenti espressi b’metafori kumplessi. Għalhekk, il-profondità simbolika tal-poeżija aktarx tinħeba taħt is-sempliċità tas-saff tal-wiċċ. Friggieri jagħti importanza lill-metafora biex permezz tagħha joħroġ it-tensjoni soċjali li jara f’Malta ta’ żmienu li xi drabi tidentifika u żżewweġ naħat opposti. Apparti l-analiżi tal-poeżiji, qed ninkludi wkoll intervista personali ffilmjata mal-poeta li hemm verżjoni traskritta tagħha fl-appendiċi. Din l-intervista għamiltha biex nikseb riflessjonijiet poetiċi, politiċi, u soċjali tal-poeta dwar il-ġrajjiet u s-sitwazzjonijiet li kiteb fuqhom fil-poeżiji. Din l-intervista tista’ tgħin ukoll lil riċerkaturi futuri li se jistudjaw dawn ilpoeżiji ta’ Friggieri. L-intervista hi bbażata fuq mistoqsijiet li huma essenzjalment mibnija fuq l-istqarrijiet u l-kitbiet tal-poeta nnifsu dwar il-letteratura tiegħu, skont teoriji li użajt fit-teżi u fid-dawl tas-sitwazzjonijiet politiċi nazzjonali li minnhom il-poeta ħa l-ispirazzjoni tiegħu. Biex nanalizza l-poeżiji ridt niddetermina liema skejjel ta’ kritika kelli naqbad u liema studji nuża. Kull kapitlu fit-teżi hu msejjes fuq teoriji letterarji u soċjoloġiċi li permezz tagħhom stajt naqra l-poeżiji ta’ Friggieri. Fil-ħarsa kritika li nippreżenta fl-ewwel kapitlu nittratta l-iskola tal-kritika tal-Marxiżmu u nistħarreġ in-nazzjonaliżmu. Ninqeda bil-Marxiżmu biex nikkuntestwalizza l-letteratura u biex nifhem kif il-valuri li jidhru fil-poeżiji jirrelataw mal-valuri fis-soċjetà ta’ żmien partikolari. Għaldaqstant, kif jissuġġerixxu l-Marxisti, infittex interpretazzjoni konkreta aktar milli interpretazzjoni idealista u universali. Ix-xogħol letterarju hu mistħarreġ fit-totalità tiegħu, mil-lat stilistiku u mil-lat tematiku li jirriflettu l-kontradizzjonijiet politiċi u soċjali li jippreżenta l-poeta. Il-Marxisti jemmnu li r-realtajiet li nġarrbu huma lkoll materjali, u għalhekk, l-oriġini ta’ dawn ir-realtajiet tinsab fil-forom tal-produzzjoni. B’dan il-mod, jitilgħu fil-wiċċ aspetti ideoloġiċi kontemporanji u jiġu kkjarifikati. Il-perspettiva Marxista fil-letteratura tqanqal lill-qarrejja biex jattakkaw il-forzi oppressivi tan-nazzjon. It-teorista Marxista Terry Eagleton jittratta l-pożizzjoni Marxista dwar ir-rabta tal-letteratura mad-dilemmi soċjali. Dawn id-dilemmi mhux biss huma fuq livell soċjali imma wkoll fuq livell nazzjonali, u għalhekk, użajt l-analiżi tan-nazzjonaliżmu bħal 'Imagined Communities' ta’ Benedict Anderson biex nistħarreġ il-kategorija tal-“aħna” li tiddistingwi ruħha mill-kategorija tal-“huma” abbażi ta’ identitajiet uniċi, fil-komunitajiet politiċi immaġinati. Anderson għaraf iċ-ċentralità tan-nazzjonaliżmu, anke fi proġetti politiċi progressivi bħall-anti-imperjaliżmu u s-soċjaliżmu, tant li, xi kultant, ingħata aktar prominenza mill-proġett progressiv innifsu. Minkejja li bħala studjuż kien jidentifika ruħu l-aktar mat-tradizzjoni politika u intellettwali tal-Marxiżmu, Anderson deherlu li l-Marxiżmu ma rnexxilux jagħmel analiżi xierqa tan-nazzjonaliżmu bħala fenomenu ewlieni. Fit-tieni kapitlu nistħarreġ it-temi ewlenin u l-istil li juża Friggieri biex jikteb il-poeżiji. Għad li Friggieri kien minn tal-ewwel li laqa’ l-qawmien letterarju li jixhed xewqa għallħelsien mill-insularità u l-medjokrità nazzjonali u letterarja, xorta baqa’ juża stil essenzjalment Romantiku, speċjalment il-vers tal-ħdax. Din il-lehma ta’ Friggieri tat lok għassempliċità profonda, b’versi rrimati u b’kontenut li aktarx jappella għal udjenza wiesgħa, imma li fl-istess ħin tħalli lill-qarrejja jgħumu f’interpretazzjonijiet aktar profondi. Il-poeta jrid iqanqal lill-poplu biex jeżamina l-identità nazzjonali u fl-istess ħin jippreservaha. F’din l-identità Friggieri jara dawk li jqishom bħala karatteristiċi Mediterranji li jrid jaffermahom u jridhom ukoll jinfluwenzaw lill-poplu biex iħares dak li kiseb bħala nazzjon. Għad li dawn huma karatteristiċi Maltin u Mediterranji ma jfissirx li huma addottati minn kull ċittadin Malti. Fit-tielet kapitlu jissokta d-diskors dwar il-poeżija nazzjonalista, poeżija miktuba minn poeta li huwa meqjus bħala mudell għall-fervur idealistiku u t-tama, anke jekk it-tama hi żgħira jew impossibbli. F’dan il-kapitlu, nistħarreġ l-irwol ta’ Friggieri bħala poeta u rappreżentant tal-poplu tiegħu. Bil-poeżija jittratta diversi aspetti politiċi, nazzjonali u soċjali bil-għan li jqanqal liċ-ċittadini fil-pajjiż. L-aspetti soċjali diversi li tmiss il-letteratura jitilgħu fil-wiċċ u jolqtu liċ-ċittadini f’epoki differenti. Jekk il-poeti jinjoraw is-sitwazzjonijiet ta’ żmienhom, jirriskjaw li x-xogħol tagħhom jitwarrab u ma jappellax għall-qarrejja. Għaldaqstant, il-poeżija ssir ħtieġa aktar milli delizzju, bżonn li l-poeta joħroġ dak li hemm fih ħalli jitleħħen dak li jqisu bħala t-tiġrib nazzjonali, għax is-sentimenti ta’ wieħed, isiru sentimenti ta’ ħafna minħabba li l-poeta hu wieħed miċ-ċittadini. Il-poeta bħala ġenju joħloq arti b’ċerta sengħa u b’teknika li kapaċi tiġġarrab minn kull bniedem mingħajr eċċezzjoni, arti li biha Friggieri jesprimi kemm il-glorji kif ukoll in-niket tal-pajjiż. Fir-raba’ kapitlu nistudja kif Friggieri jikxef id-difetti tal-pajjiż bħall-partiġjaniżmu u l-vjolenza politika f’pajjiż li jarah bħala tribù maqsum bejn żewġ fazzjonijiet li jxejru żewġ bnadar differenti. Hawnhekk nanalizza t-terminu antropoloġiku tat-tribù, anke permezz ta’ studji li saru minn Jeremy Boissevain dwar is-soċjetà Maltija, biex inkun nista’ nifhem aħjar għaliex Friggieri jsejjaħ lil Malta tribù. F’dan il-kapitlu nistħarreġ il-vjolenza politika u l-qtil brutali taż-żewġ vittmi tal-politika minħabba li Friggieri jikteb numru ta’ eleġiji li fihom effettivament jimmitizzahom. Il-vjolenza u l-partiġjaniżmu huma riżultat ta’ impożizzjoni kontinwa tal-politiċi fuq iċ-ċittadini, sitwazzjoni li nistħarriġha fid-dawl tal-Panottiċiżmu ta’ Foucault. Jekk iċ-ċittadini jikkonformaw mingħajr ma jiddubitaw, ikunu leali lejn il-mexxejja tagħhom u jwettqu dak kollu li jġagħluhom jagħmlu. Friggieri jara soċjetà marida b’valuri foloz li għandha bżonn tirriforma ruħha mill-qiegħ.en_GB
dc.language.isomten_GB
dc.rightsinfo:eu-repo/semantics/restrictedAccessen_GB
dc.subjectFriggieri, Oliver, 1947-2020 -- Criticism and interpretationen_GB
dc.subjectMaltese poetry -- 20th centuryen_GB
dc.subjectMaltese literature -- Political aspectsen_GB
dc.subjectNational characteristics, Maltese, in literatureen_GB
dc.subjectNationalism in literatureen_GB
dc.subjectMarxist criticism -- Maltaen_GB
dc.titleIl-kostruzzjoni tan-nazzjon fil-poeżija ta’ Oliver Friggierien_GB
dc.typemasterThesisen_GB
dc.rights.holderThe copyright of this work belongs to the author(s)/publisher. The rights of this work are as defined by the appropriate Copyright Legislation or as modified by any successive legislation. Users may access this work and can make use of the information contained in accordance with the Copyright Legislation provided that the author must be properly acknowledged. Further distribution or reproduction in any format is prohibited without the prior permission of the copyright holder.en_GB
dc.publisher.institutionUniversity of Maltaen_GB
dc.publisher.departmentFaculty of Arts. Department of Malteseen_GB
dc.description.reviewedN/Aen_GB
dc.contributor.creatorFarrugia, Wayne (2021)-
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2021
Dissertations - FacArtMal - 2021

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
Il-kostruzzjoni tan-nazzjon fil-poeżija ta_ Oliver Friggieri (verżjoni finali).pdf
  Restricted Access
1.84 MBAdobe PDFView/Open Request a copy
Intervista Vidjow.mpeg
  Restricted Access
1.17 GBMPEGView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.