Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/8841
Title: Il-kunflitt fin-narrattiva ta' Pierre J. Mejlak
Authors: Somerville, Justine
Keywords: Mejlak, Pierre J., 1982- -- Criticism and interpretation
Discourse analysis, Narrative
Conversation analysis
Issue Date: 2013
Abstract: Fin-natura nfisha tan-narrattiva l-bnedmin iħossu l-bżonn li jdaħħlu l-kunflitt li ħafna drabi ma jiħux il-forma ta’ oppożizzjoni ċara bejn it-tajjeb u l-ħażin. Il-kunflitt fin-narrattiva jmur lil hinn minn dak li jidher fil-qalba tat-traġedja Griega bejn il-protagonist u l-antagonist; u storja tkun magħġuna minn numru ta’ kunflitti li joħolqu bejniethom xibka kumplessa ta’ realtajiet. Permezz tal-kunflitt fin-narrattiva, li jaqdi funzjoni soċjali, il-bnedmin isibu ruħhom wiċċ imb wiċċ mal-kunflitti ta’ ħajjithom, jiddiskutuhom, jiffaċċjawhom, isolvuhom jew jaċċettawhom bħala irrikonċiljabbli (Abbott 55). Il-kunflitt jagħti struttura lin-narrattiva, jista’ jitqies bħala l-qofol tagħha, l-element li jagħmilha dak li hi. In-narrattiva tinbena fuq il-kunflitt, fuq l-iżvilupp tiegħu fil-psikoloġija tal-karattri, bejn karattri u oħrajn, bejn il-karattri u l-ambjent tagħhom jew iċ-ċirkustanzi li jsibu ruħhom fihom (Abbott 55). Iżda fl-istess ħin in-narrattiva tagħti struttura lill-kunflitt, għax il-letteratura mhux biss tirrifletti l-ħajja imma tittrasformaha, tinterpretaha u tanalizzaha. Il-kunflitt jaħdem kemm fuq il-livell tal-ġrajjiet, kif wkoll fuq il-livell tallingwa, u ma jeżistix qabel ma jiġi rrakkuntat. In-narrattiva hija mezz kruċjali li jiġġenera, isostni, jinnegozja u jirrappreżenta l-kunflitt fil-livelli kollha tal-ħajja. In-novelli ta’ Mejlak jinsistu fuq id-dinja ġewwiena, moħbija tal-personaġġi. Ħafna drabi kollox huwa mifhum skont dak li jkun għaddej minn moħħ il-karattru u l-azzjoni sseħħ fid-dawl tat-tiġrib mentali tiegħu li jinkixef għall-qarrejja permezz ta’ narrazzjoni awtodijeġetika jew eterodijeġetika. L-immaġinazzjoni, bil-manifestazzjonijiet kollha tagħha, hija s-sors ewlieni tal-kunflitt jew tal-ħarba mill-kunflitt f’ħajjet il-protagonisti. Dawn jintilfu fl-istħajjil biex ma jiffaċċjawx id-dinja ta’ barra jew biex, imqar għal ftit, isibu rifuġju ’l bogħod minn ħajja li tiddiżappuntahom. Dak li joħolmu, dak li jixxennqu għalih u jittamaw li jakkwistaw ma jdumx ma jinbidel fi frustrazzjoni, f’disfatta. Uħud mill-karattri donnhom ma jistgħux jgħixu l-preżent mingħajr ma jħarsu lejn il-passat, u lmemorji ta’ passat li ma fadlilhom xejn minnu jistgħu jkunu għajn ta’ kenn, iżda daqstant ieħor jistgħu jitturmentawhom u ma jħalluhomx jimxu ’l quddiem. F’ħajja li ma tissodisfahomx ġieli jinqdew bl-immaġinazzjoni tagħhom biex jimmanipulaw ir-realtà ta’ madwarhom, iżda b’dan il-mod ma jdumux ma jidħlu f’kunflitt mal-ambjent li jgħixu fih, u mal-karattri l-oħrajn li jagħmlu parti minnu. Il-karattri ta’ Mejlak jużaw il-lingwa bħala arma fil-kunflitti li għandhom mal-oħrajn. Lambigwità, l-ironija, il-metafora, il-kontradizzjoni, ir-ripetizzjoni, u saħansitra s-skiet jew l-ispazji vojta fid-diskors huma l-mod li bih il-karattri stess jew in-narrazzjoni jwasslu l-kunflitt. Id-diskors li minnu hi magħmula n-narrattiva jikkostruwixxi r-realtà u allura huwa dak li effettivament ilaħħam il-kunflitt. Ħafna drabi d-diskors narrattiv u kif inhu użat huwa differenti mid-diskors ordinarju, għax kemm-il darba jimpenja lill-qarrejja li jridu jiksbu t-tifsir. Dan id-diskors jippreżenta sfida għall-qarrejja li hi parallela mal-kunflitt li hemm fil-qalba tiegħu. Il-kunflitt fit-tifsir jinħall jew jitgħaqqad iktar permezz tal-analiżi li dejjem toffri l-possibiltà ta’ assoċjazzjonijiet, perspettivi u interpretazzjonijiet ġodda.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/8841
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2013

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
13BAMAL025.pdf
  Restricted Access
979.92 kBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.