Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/8851
Title: Il-kbar ikellmu liz-zgħar : xi osservazzjonijiet kritici
Authors: Zerafa, Claire
Keywords: Maltese language -- Variation
Language acquisition
Maltese language -- Semantics
Issue Date: 2013
Abstract: Kull lingwa hija magħmula minn strutturi u komponenti differenti li jiddistingwu lingwa minn oħra. Xogħol il-lingwista hu li jgħarrex f'dawn il-komponenti tal-lingwa u jiskoprihom u jagħti spjegazzjoni ta' dak li jkun qed jiġri biex tifforma l-lingwa. L-istess lingwa jista' jkollha numru ta' varjanti u djaletti differenti. Kelliem nattiv ikun kapaċi juża l-lingwa għal sitwazzjonijiet differenti. Xorta jkun qed juża l-istess lingwa imma japplikalha karatteristiċi biex tkun adattata għas-sitwazzjoni li jkun fiha. Juża l-lingwa biex ikun formali, biex jesprimi ruħu, biex ikellem l-annimali u biex ikellem lit-tfal fost l-oħrajn. Dan l-istudju huwa propju dwar dawk il-karatteristiċi li kelliem nattiv juża fil-lingwa tiegħu biex ikellem lit-tfal. Fl-ewwel sena tal-kors tiegħi, studjajt dwar Child Directed Speech li huwa terminu applikat għal mod ta’ kif jitkellmu l-ġenituri jew adulti oħrajn meta jindirizzaw lit-tfal. Dan it-tip ta’ reġistru jissejjaħ ukoll motherese. F’din il-kitba jien se nirreferi għalih bħala t-Taħdit tal-Kbar lit-Tfal (TKT). Sibtu interessanti ħafna u meta ġejt biex nagħżel it-titlu għal din it-teżina kien l-ewwel wieħed f'moħħi. Wara diskussjoni mat-tutur tiegħi, il-Professur Albert Borg, tani l-idea biex inkompli naħdem fuq xogħol li kienet għamlet Yvonne Sammut fl-1987 (Sammut 1987), propju fuq dan l-istess suġġett. Aktar ma bdejt naqra fuq is-suġġett aktar bdew jiżviluppaw l-ideat u b'hekk wasalt biex għamilt din il-ġabra ta' studju. Sammut fix-xogħol tagħha tagħti lista tal-karatteristiċi tat-TKT. Bl-istess mod li użat Sammut jien se nagħmel xi osservazzjonijiet kritiċi ta' dawn il-karatteristiċi llum il-ġurnata. F'dan l-ewwel kapitlu se nispjega bejn wieħed u ieħor x'jinkludu l-bqija tal-kapitli f'dan ix-xogħol. It-tieni kapitlu huwa ġabra ta' informazzjoni li jien ħadt mill-kotba li qrajt. Apparti kotba tal-lingwistika kien jirrikjedi li naqra wkoll xi xogħlijiet psikoloġiċi minħabba li l-psikoloġija għandha rwol importanti ħafna fl-iżvilupp lingwistiku tat-tfal. Dwar dan is-suġġett inkitbu ħafna xogħlijiet u f'dan il-kapitlu jien daħħalt fatturi li naħseb li huma l-aktar interessanti. L-ewwel parti ta' dan il-kapitlu tittratta l-aktar dwar il-modifikazzjonijiet tal-lingwa li adult jagħmel biex ikellem lit-tfal, kif ukoll il-karatteristiċi studjati tat-TKT. Dan il-kapitlu ma jitkellimx fuq il-lingwa Maltija (għalkemm nagħmel xi referenzi dwarha) imma dwar lingwi oħrajn barranin. Meta tħares lejn il-lingwi l-oħra tista' kważi tgħid li t-TKT huwa universali għax ftit huma l-lingwi li ma jagħmlux distinzjoni bejn it-taħdit indirizzat lit-tfal u t-taħdit indirizzat lill-kbar. It-tieni parti ta' dan il-kapitlu se tittratta informazzjoni dwar il-psikolingwistika, s-soċjolingwistika u l-bilingwiżmu. Dawn huma kollha fatturi li jista' jkun jaffettwaw it-TKT u għalhekk isibu posthom f'dan il-kapitlu. Aktar ma tkompli taqra xogħlijiet oħra lingwistiċi tinduna kemm hu importanti l-metodu li juża r-riċerkatur biex jasal għal dak li jkun qed ifittex. Għalhekk iddedikajt it-tielet kapitlu ta' dan l-istudju propju għalhekk. Fih se nuri l-importanza li tagħżel metodu adattat għal dak li tkun qed tagħmel għax jekk il-metodu ma jkunx tajjeb, il-konklużjonijiet li toħroġ ma jkunux daqshekk ċari. F'dan il-kapitlu se niddiskuti l-metodu li użajt jiena, kif wasalt għad-deċiżjoni li nagħżel dan u xi żvantaġġi u vantaġġi ta' dan il-metodu. L-iskop li noħloq dan il-kapitlu huwa biex riċerkaturi oħra li għadhom jibdew ikollhom idea ċara ta' kif tanalizza l-għażliet kollha li jkollok quddiemek biex minnhom tagħmel l-aħjar għażla. Wara li għamilt l-osservazzjonijiet, bdejt l-analiżi tal-karatteristiċi tat-TKT fir-raba' kapitlu. Fl-ewwel parti ta' dan il-kapitlu imxejt fuq il-mudell li tagħti Sammut fix-xogħol tagħha u permezz tal-informazzjoni li kelli f'idi bdejt nanalizza fid-dettall kull karatteristika li dehret. F'dan il-kapitlu wieħed jista' jsib deskrizzjoni ta' dawn il-karatteristiċi mogħnija b'eżempji biex l-ispjegazzjoni tkun aktar faċli. F'dan il-kapitlu nqabbel u nikkritika l-analiżi tad-data tiegħi mal-analiżi tad-data ta' Sammut biex b'hekk noħroġ similaritajiet u differenzi fit-TKT minn ħamsa u għoxrin sena ilu 'l hawn. Fit-tieni parti ta' dan il-kapitlu niddiskuti aspetti soċjolingwistiċi u kif dawn jistgħu jħallu xi effetti fuq it-TKT. Fl-aħħar kapitlu niddiskuti l-konklużjonijiet ta' dan l-istudju. L-ewwel nett, insemmi l-konklużjonijiet li ħarġu minn dawn iż-żewġ studji kkumparati ma' xulxin. It-tieni nagħmel referenza għal dawk id-diffikultajiet li ltqajt magħhom f'dan l-istudju u kif għelibthom. Fl-aħħar nett, se nagħmel xi suġġerimenti dwar xi xogħlijiet li wieħed jista' jagħmel biex inkomplu niskopru aktar fatturi dwar dan is-suġġett hekk vast.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/8851
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2013

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
13BAMAL032.pdf
  Restricted Access
1.62 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.