IV. L-impatt fuq l-intrapriża u l-industrija

IV. L-impatt fuq l-intrapriża u l-industrija

Malta's flagGreat Britian's flag

 

Tema Strateġika IV. L-Impatt fuq l-Intrapriża u l-Industrija

Niżviluppaw Sinerġiji bejn l-Akkademja u l-Industrija

“L-Impatt fuq l-Intrapriża u l-Industrija” hija waħda mit-Temi Strateġiċi tal-Pjan Strateġiku 2020-2025, li testabilixxi l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-Università, il-fakultajiet, id-dipartimenti, iċ-ċentri, l-istituzzjonijiet u l-iskejjel tagħha.

L-Università ta’ Malta qiegħda tinvesti biex iżżid il-kapaċità tagħha għal attività kollaborattiva ma’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), mal-industrija u ma’ partijiet soċjali u ekonomiċi oħra. L-intrapriża u l-innovazzjoni huma pedamenti strateġiċi għall-iżvilupp kontinwu tal-għarfien u l-programmi ta’ riċerka biex ikollna impatt pożittiv fuq is-soċjetà u l-ekonomija. Se nagħmlu ħilitna biex immexxu ’l quddiem il-prijoritajiet li jikkonċernaw it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, il-kuntatt tagħna ’l barra mill-Università, u l-programmi edukattivi għat-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp ekonomiku.

Impenji Strateġiċi IV 2020-2025

 

L-Impatt fuq l-Intrapriża u l-Industrija
Impenji Strateġiċi IV għall-2020-2025 

  L-Istrateġiji Ewlenin

  L-Istrateġiji Biex Nilħqu l-Għanijiet  

  • Nissorveljaw ir-rekwiżiti nazzjonali għall-għarfien u l-ħiliet, nissorveljaw il-provvista u nidentifikaw id-diskrepanzi
  • Nirrappurtaw id-diskrepanzi u l-lakuni biex insostnu t-teħid tad-deċiżjonijiet, it-tfassil tal-korsijiet u l-iżvilupp tal-kurrikulu
  • Nipparteċipaw fl-assoċjazzjonijiet fuq l-Intrapriża u l-industrija
  • Nippromwovu djalogu mal-industrija permezz ta’ gruppi konsultattivi strateġiċi
  • Ninvolvu l-industrija b’mod attiv fl-iżvilupp tal-kurrikulu permezz ta’ kumitati, gruppi fokali u eżerċizzji ta’ stħarriġ
  • Niżviluppaw katalgu bi studji fattwali fuq l-Intrapriża lokali
  • Nappoġġjaw il-Programm tal-Kelliema Industrijali fit-taqsimiet-studju
  • Norganizzaw is-Sensiela tal-Letturi Distinti f’oqsma ta’ għarfien espert u ta’ speċjalizzazzjoni relatati mal-industrija
  • Ninkludu attivitajiet imsejsa fuq proġetti fil-programmi ta’ studju 
  • Niżviluppaw ekosistema ta’ għajnuna minn superviżuri akkademiċi u konsulenti tal-industrija għal assenjamenti u proġetti msejsa fuq l-industrija
  • Ninkludu l-ħiliet kollaborattivi, il-ħidma f’tim, l-etika tax-xogħol u ċ-ċittadinanza tajba fil-programmi tat-tagħlim
  • Niżviluppaw taqsimiet-studju fil-ħiliet interpersonali, il-komunikazzjoni viżiva u t-tmexxija fost id-dixxiplini 
  • Nadottaw metodi innovattivi ta’ tagħlim li jinkludu l-isport u l-attività fiżika biex niżviluppaw il-kapaċità tal-istudenti li jsolvu l-problemi b’mod effettiv u jkunu reżiljenti
  • Nipprovdu taħriġ intraprenditorjali fl-Università kollha
  • Nipprovdu taħriġ fuq ħiliet kummerċjali bażiċi, li jinkludu l-litteriżmu finanzjarju, ħiliet fl-organizzazzjoni u prattiċi tax-xogħol
  • Inwasslu taħriġ fuq it-twaqqif ta’ kumpaniji kummerċjali, intrapriżi soċjali u koperattivi
  • Inħeġġu l-iżvilupp professjonali kontinwu, l-edukazzjoni eżekuttiva, u t-tagħlim industrijali tul il-ħajja 
  • Niżviluppaw programmi elettroniċi għal korsijiet kummerċjali
  • Nipprovdu taħriġ eżekuttiv dwar ir-regolamentazzjoni f’kollaborazzjoni ma’ regolaturi u istituzzjonijiet internazzjonali 
  • Inxerrdu l-għarfien intern f’oqsma speċjalizzati u nippromwovu l-esperti akkademiċi mal-industrija
  • Nippreżentaw il-proġetti u t-teżijiet tal-istudenti
  • Nippromwovu l-korsijiet mal-impjegaturi
  • Norganizzaw konferenzi akkademiċi fuq suġġetti kontemporanji
  • Nipprovdu seminars kontinwi fuq oqsma ta’ interess speċjali
  • Nippromwovu l-wiri ta’ servizzi u prodotti lokali 

 

Ninvolvu l-Industrija fl-Iżvilupp tal-Kurrikulu  

Bħalissa Malta qiegħda tgawdi minn kważi impjieg sħiħ li ħoloq firxa wiesgħa ta’ karrieri u opportunitajiet tax-xogħol għall-gradwati tagħna. Madankollu, hemm għadd ta’ diskrepanzi fl-għarfien u l-ħiliet meta tqis id-domanda kbira ta’ diversi setturi. Ir-riċerka u r-rappurtaġġ ta’ dawn id-diskrepanzi minn żmien għal żmien jgħinu fit-tfassil tas-sisien għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp tal-kurrikulu u l-ippjanar tal-impjieg. 

Se nħeġġu l-parteċipazzjoni tal-industrija fl-iżvilupp tal-programmi tat-tagħlim billi ntejbu d-djalogu mal-industrija permezz ta’ gruppi konsultattivi strateġiċi, gruppi fokali u eżerċizzji ta’ stħarriġ, u l-involviment attiv fl-iżvilupp tal-kurrikulu.

Nintegraw l-Għarfien tal-Industrija fl-Esperjenza tat-Tagħlim  

Malta għandha firxa rikka ta’ kumpaniji lokali li kibru u rnexxew. Il-komunità tal-istudenti tista’ tibbenefika mill-għarfien dwar il-qofol ta’ dawn l-istejjer ta’ suċċess, li jistgħu jkunu disponibbli permezz ta’ katalgi bi studji fattwali fuq l-imprendituri lokali.

Se nħeġġu biex jittellgħu iżjed sessjonijiet tas-Sensiela tal-Kelliema Industrijali li jlaqqgħu kelliema korporattivi u pubbliċi tal-ogħla livell mid-dinjiet tal-kummerċ, l-arti, l-akkademja u s-soċjetà ċivili fuq il-kampus tagħna biex jaqsmu l-esperjenzi u l-ideat tagħhom. Se nippromovu wkoll is-Sensiela tal-Letturi Distinti, li fiha speċjalisti mill-oqsma rispettivi tagħhom jiġu mistiedna jiddiskutu mal-istudenti u l-akkademiċi bħala parti mill-kurrikulu.

Intejbu t-Tagħlim permezz ta’ Proġetti mal-Intrapriżi  

Se nagħmlu l-almu tagħna biex intejbu l-esperjenza tat-tagħlim għall-istudenti tal-korsijiet tal-ewwel grad u postgradwatorji permezz ta’ proġetti, assenjamenti u attivitajiet oħra mal-intrapriżi li jiffaċilitaw l-interazzjoni prattika mal-industrija. Il-programmi ta’ studju jistgħu jitfasslu biex jiżguraw li l-istudenti tal-ewwel grad ikollhom iċ-ċans jipparteċipaw f’attivitajiet li jkunu bbażati fuq proġetti varji matul iż-żmien tal-istudju tagħhom fl-Università ta’ Malta. L-esperjenza tat-tagħlim titjieb jekk l-istudenti jiksbu l-esperjenza biex isolvu l-problemi tal-ħajja reali, jitgħallmu kif jindirizzaw mistoqsijiet kritiċi, jagħrfu jikkontrollaw l-inċertezza, u jieħdu sehem f’soluzzjonijiet prattiċi ma’ superviżuri akkademiċi esperti u konsulenti mill-industrija.

Nippromwovu l-Ħiliet Interpersonali u Kollaborattivi  

Mir-reazzjonijiet li rċivejna mill-industrija, hemm bżonn nippreparaw aħjar lill-istudenti bl-għarfien u l-ħiliet relevanti u essenzjali għad-dinja interkonnessa tal-lum. Il-ħiliet li qegħdin ifittxu l-impjegaturi jinkludu s-sejba tas-soluzzjoni għall-problemi, il-ħiliet interpersonali, il-komunikazzjoni viżiva u l-imġiba professjonali. Il-kumplessità u l-internazzjonalizzazzjoni tal-kummerċ qed jiżdiedu, u għalhekk il-gradwati għandhom aktar pressjoni biex ikunu effettivi fil-ħila tal-kollaborazzjoni u meta jaħdmu f’tim f’ambjenti tal-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. Se nagħmlu ħilitna biex niffukaw fuq dawn il-ħiliet u se ninkludu wkoll elementi ta’ ċittadinanza tajba fil-kurrikulu, it-tħassib u l-empatija għall-benesseri tal-koħaddiema u l-klijenti, kif ukoll il-ħiliet tal-organizzazzjoni u t-tmexxija tradizzjonali. Se nadottaw metodi tradizzjonali u innovattivi li jinkludu l-isport u l-attività fiżika biex niżviluppaw il-kapaċità tal-istudenti li jsolvu l-problemi b’mod effettiv u jkunu reżiljenti.

Inħejju lill-Istudenti għad-Dinja tax-Xogħol u biex Jaħdmu għal Rashom  

Fid-dawl tar-reazzjonijiet li kellna mill-SMEs u korporazzjonijiet industrijali akbar, l-Università tagħraf li hemm bżonn taħriġ fil-ħiliet kummerċjali, li jista’ jiġi pprovdut bi programmi mifruxa mal-Università li jkunu aċċessibbli għad-dixxiplini kollha. 

Il-ħiliet koperattivi u intraprenditorjali, flimkien max-xogħol li naħdmu għal rasna, huma importanti għall-istabbiltà u r-reżiljenza tal-ekonomija. Għalhekk, se nimpenjaw ruħna li nżidu d-dispożizzjoni tal-istruzzjoni li tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ ideat kummerċjali u t-twaqqif ta’ taqsimiet u organizzazzjonijiet kummerċjali, megħjuna bl-għerf tal-governanza u l-litteriżmu finanzjarju. 

Inwessgħu l-Edukazzjoni Eżekuttiva  

L-Università qed taġġorna r-riżorsi tagħha biex toffri żvilupp professjonali kontinwu għall-prattikanti u l-professjonisti eżekuttivi. L-infrastruttura meħtieġa biex ikollna firxa usa’ ta’ programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja tinkludi d-dispożizzjoni ta’ nies esperti li jħarrġu, ambjenti ta’ tagħlim u sistemi ta’ għajnuna amministrattiva għall-edukaturi u l-istudenti. Il-programmi għandhom l-għan li jżommu lill-parteċipanti aġġornati fuq l-avvanzi li kontinwament qegħdin isiru fil-qasam tagħhom u fl-użu ta’ teknoloġiji relatati. 

L-edukazzjoni elettronika tibqa’ pjattaforma effiċjenti li żżid l-aċċessibbiltà tal-edukazzjoni għall-istudenti adulti li għandhom karriera u l-impenji tal-familja. Se nfittxu li nikkollaboraw ma’ pubblikaturi ta’ livell dinji biex nużaw l-għarfien espert u l-kontenut tal-kurrikulu tagħhom għall-iżvilupp ta’ pjattaformi tat-tagħlim diġitali.

L-ekonomija Maltija u l-prodott domestiku gross qed jiżdiedu b'rata sostanzjali. Il-pajjiż miexi ’l quddiem mil-lat ta’ ġid ekonomiku, ħaġa li magħha ma ġġibx biss aktar prosperità imma wkoll livell ogħla ta’ responsabbiltà fejn jidħlu l-immaniġġjar u l-amministrazzjoni. Għal dan il-għan, se nikkontribwixxu billi nwasslu edukazzjoni b’mod aktar intensiv fuq ir-regolamentazzjoni u l-konformità f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-istituzzjonijiet internazzjonali li jispeċjalizzaw fl-oqsma regolatorji rispettivi..

Nipprovdu l-Għarfien Espert lill-Industrija  

L-Università se żżid l-involviment tagħha mal-intrapriżi u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija bħala partijiet interessati esterni u msieħba soċjali. L-għan tagħna hu li nrawmu ambjent ta’ djalogu u ta’ qsim ta’ għarfien ma’ dan il-grupp importanti ta’ impjegaturi li jifforma l-maġġoranza tal-popolazzjoni ggradwata. Il-ħsieb tagħna hu li nżidu t-tixrid tal-għarfien intern f’oqsma speċifiċi mal-imsieħba industrijali. Hemm il-ħtieġa li nipprowovu l-esperti akkademiċi mal-komunità kummerċjali u li nippreżentaw il-proġetti u t-teżijiet tal-istudenti mal-imsieħba esterni relevanti. Se nkomplu nippromwovu l-firxa wiesgħa u profonda ta’ korsijiet qosra, diplomi, programmi tal-ewwel grad u oħrajn postgradwatorji tal-Università mal-istudenti u l-impjegaturi.

Norganizzaw Konferenzi Akkademiċi għall-Intrapriża u l-Industrija   

Il-Forum Strateġiku tal-Università ta’ Malta għall-Intrapriża, il-Gvern u l-Imsieħba Soċjali, li attira udjenza kbira fil-bidu tal-2019, hu maħsub li jsir avveniment li, mill-inqas, jibqa’ jittella’ kull sentejn. L-Università se tospita konferenzi akkademiċi għas-setturi industrijali li huma l-ikbar kontributuri għall-ekonomija Maltija. Se norganizzaw seminars dwar l-oqsma emerġenti ta’ interess pubbliku u suġġetti kontemporanji biex inxerrdu għarfien ġdid fil-komunità tal-Università magħmula minn 15,750 membru u mal-pubbliku inġenerali. L-Università tista’ sservi ta’ katalista biex tagħti importanza akbar lill-prodotti u s-servizzi lokali, li jinkludu dawk iġġenerati mill-SMEs fl-oqsma tal-agrikultura, il-produzzjoni tal-ikel, l-akkomodazzjoni turistika, l-ispettaklu u l-industrija tad-divertiment.

 


https://www.um.edu.mt/about/pjanstrategiku/impenjistrategici4-impattfuqlintraprizaulindustrija/