Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1680
Title: Il-funzjoni avverbjali fil-Malti
Authors: Mifsud, Jeanelle
Keywords: Maltese language -- Adverb
Maltese language -- Grammar
Issue Date: 2014
Abstract: Tradizzjonalment l-avverbju hu magħruf bħala l-parti tad-diskors li tispeċifika jew timmodifika t-tip ta’ azzjoni tal-verb. Madankollu l-avverbji jistgħu wkoll jimmodifikaw elementi li ma jaqgħux taħt il-verb, pereżempju l-aġġettivi, It-tifla ħelwa immens, il-prepożizzjonijiet, Tela’ ’l fuq iżżejjed, u saħansitra avverbji oħra, Kiber wisq malajr (Brother Henry 190). Bħalma jispjega Crystal (8), dan il-grupp ta’ kliem sar eteroġenju billi żdied miegħu għadd ta’ tipi ta’ kliem differenti, ngħidu aħna, intensifikaturi bħal tassew. Fi kliem ieħor, l-avverbju hu dak li jimmodifika kull element tas-sentenza, inkluż is-sentenza sħiħa, għall-kuntrarju tal-aġġettiv li jimmodifika biss in-nom. L-avverbju jista’ jimmodifika wkoll frażijiet jew anki sentenzi sħaħ, skont jekk jiġix integrat bejn l-elementi differenti tas-sentenza u jimmodifika wieħed jew tnejn minnhom biss, jew jekk jiħux il-forma ta’ sentenza subordinata avverbjali u b’hekk jimmodifika s-sentenza prinċipali kollha. Fil-każ tal-Malti ma sarx ħafna studju fuq l-avverbji. Fil-fatt ħafna grammatiċi (Cachia 125-29; Cremona 229-300; Sutcliffe 193-199; Brother Henry 190-91) kemm isemmuhom fuq fuq u jinnutaw li jinqasmu, fost l-oħrajn, f’avverbji taż-żmien, bħal għada, f’tal-post, bħal hemm, f’tal-mod, bħal bil-mod, f’tal-kwantità/grad, bħal immens, f’tan-negazzjoni, bħal ma ... xejn, jew f’tal-mistoqsija, bħal kif. Ħafna grammatiċi bikrin (Cremona 228-30; Brother Henry 190; Zarb 294) iqisu l-avverbju fil-Malti bħala kategorija grammatikali li taqa’ taħt il-partiċella. L-iskop ta’ din it-teżi hija li nfittex il-kunċett tal-avverbju fiex jissarraf fil-Malti u kif iġibu ruħhom il-kliem u l-frażijiet kollha li jaqgħu taħt din il-kategorija. Biex nagħmel dan, l-ewwel se nibda billi niċċara l-kunċett tal-avverbiju billi nesplora kif jiġi użat fid-deskrizzjoni grammatikali ta’ lingwi differenti. Għażilt li niffoka fuq tliet lingwi, l-Ingliż, it-Taljan u l-Għarbi, u nara kif l-avverbju jidher f’dawn il-lingwi biex b’hekk inkun nista’ nqabbel id-differenzi u s-similaritajiet interlingwistiċi. Għażilt dawn it-tliet lingwi l-għaliex minħabba li għandhom tradizzjoni twila u estensiva ta’ riċerka grammatikali u minħabba li fl-istorja lingwistika ta’ pajjiżna, dawn it-tliet ilsna kellhom l-aktar kuntatt ma’ tagħna u allura setgħu jaffettwawh b’xi mod jew ieħor. Fejn jidħlu t-transliterazzjonijiet bl-Għarbi ma stajtx nagħti l-gloss bħalma hu mistenni minħabba li l-kotba li kont qed nikkonsulta ma taw l-ebda ħjiel tal-elementi individwali tas-sentenza, anzi ħafna drabi l-eżempji li kienu jagħtu kienu bl-Għarbi biss, allura kienet sfida għalija, li ma naqrax bl-Għarbi biex neqleb l-eżempji bl-alfabett Latin u biex nipprova nsib it-tifsira ta’ kull kelma individwali li kienet użata. Fejn kien hemm bżonn biex il-punt li nkun qed niddiskuti joħroġ akar ċar, niżżilt ukoll il-kategorija grammatikali tat-transliterazzjoni. Fejn jidħlu l-eżempji, fejn ħassejt li kelli niġbed l-attenzjoni lejn xi parti partikolari ta’ sentenza jew frażi li kont qed inġib bħala eżempju, għamilt dan billi qtajt linja taħtha.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1680
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL026.pdf
  Restricted Access
14BAMAL0261.1 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.