Please use this identifier to cite or link to this item:
https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/5321
Title: | Taghrif gdid fuq il-kitba Izzueg La Maltia (1760) u analizi lingwistika taghha |
Authors: | Fenech, Conrad (2012) |
Keywords: | De Marco, Felice Salvatore, 1713-1764 Maltese language -- 18th century Linguistics -- History Language and languages |
Issue Date: | 2012 |
Abstract: | L-istudju u l-analiżi ta’ kitbiet qodma bil-Malti huwa qasam importanti għall-istudju ta’ lsienna. Dan għaliex, minbarra li nkunu nistgħu nisiltu minnhom tagħrif lingwistiku siewi, li jikxef l-iżvilupp dijakroniku tal-Malti, ikollna wkoll stampa aktar dettaljata tal-istorja ta’ dan l-ilsien. Għalkemm maż-żmien instabu għadd ta’ xogħlijiet qodma bil-Malti, l-aktar minn Ġużè Cassar Pullicino, jibqa’ l-fatt li dan il-qasam għadu fit-tfulija tiegħu u jeħtieġ li ssir aktar riċerka biex jinkixfu u jiġu analizzati għadd ta’ kibiet li għadhom midfunin qalb il-manuskritti fil-Biblijoteka Nazzjonali u fl-arkivji privati. Il-ħajra għal dan is-suġġett nibtet fija sa minn età żgħira, meta n-nanna tiegħi, xi xhur qabel mietet, kienet tatni xi kotba antiki ta’ talb bil-Malti li kienet wirtet. Dawn kienet tathomli għall-fatt li l-Malti minn dejjem kien is-suġġett akkademiku l-aktar għall-qalbi. Dawn il-kotba, li għadni ngħożżhom, xegħlu fija l-ewwel interess għall-kitba antika bil-Malti. Dan l-interess kompla jitħeġġeġ, meta bdejt il-kors tal-Baċellerat fil-Malti fejn, fost suġġetti oħra, kellna t-taqsima-studju tax-Xhieda tal-Malti Miktub. Dan il-qasam jitlob l-istudju tal-eqdem kitbiet bil-Malti u l-analiżi tagħhom, fosthom it-toponimi, il-laqmijiet, id-dagħa, il-prietki u kitbiet oħra. Minn hawn twieldet l-idea li nikteb it-teżi tiegħi b’rabta ma’ dan il-qasam. Meta tkellimt mal-Professur Manwel Mifsud, dan minnufih laqa’ t-talba tiegħi u ssuġġerieli biex niddiskutiha mas-Sur Olvin Vella, li mexxieni biex illum qed nippreżenta dan ix-xogħol. F’dan l-istudju qed nittratta x-xogħol tal-qassis Salvatore Felice Demarco, miktub għall-karnival tal-1760 u li kien jagħmel parti mid-drawwa antika tal- qarċilla. Ix-xogħol tar-riċerka, għalkemm jinvolvi ħafna tiftix, qari, ġbir ta’ informazzjoni u ġiri minn post għall-ieħor, huwa xogħol interessanti u fl-aħħar mill-aħħar jagħtik sodisfazzjon, speċjalment meta tiskopri xi ħaġa ġdida. Mill-banda l-oħra, dan ix-xogħol jista’ jkun ukoll wieħed tedjanti u ta’ qtigħ il-qalb, l-aktar meta tkun qed tfittex xi ħaġa li toħodlok il-ħin, u tispiċċa biex ma ssibx il-materjal jew l-informazzjoni meħtieġa dwarha. Għaldaqstant, dan ix-xogħol jirrikjedi ħafna paċenzja u dedikazzjoni, biex pass wara pass tibni ftit ftit l-informazzjoni li twassal għat-tisħiħ tax-xogħol. L-aktar ħaġa eċċitanti f’dan l-eżerċizzju hi li kull darba li tiftaħ manuskritt, tqalleb il-paġni u xxomm ir-riħa tiegħu, moħħok itir lura fiż-żmien meta nkiteb u tħossok qed tgħix limgħoddi. L-akbar diffikultà li ltqajt magħha f’dan ix-xogħol ma kinitx tinvolvi r-riċerka, iżda kienet it-traskrizzjoni. Ix-xogħol ta’ Dun Feliċ kien ikkupjat bl-idejn minn Injazju Saverju Mifsud, u min ipprova jittraskrivih qabli, bħall-mibki Ġorġ Mifsud Chircop, stqarr kemm sabha ħadma iebsa minħabba l-kaligrafija inkonsistenti u, xi minn daqqiet, ftit imħanżra ta’ I.S. Mifsud. |
Description: | B.A.(HONS)MALTESE |
URI: | https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/5321 |
Appears in Collections: | Dissertations - FacArtMal - 2012 |
Files in This Item:
File | Description | Size | Format | |
---|---|---|---|---|
12BAMAL008.pdf Restricted Access | 10.72 MB | Adobe PDF | View/Open Request a copy |
Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.