Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/5324
Title: Gabra ta' prietki ta' Frangisku Saverju Baldacchino traskritti u analizzati
Authors: Grima, Jade
Keywords: Baldacchino, Francesco Saverio, 1774-1860
Maltese literature -- 19th century
Sermons -- History and criticism
Maltese literature -- History and criticism
Issue Date: 2012
Abstract: It-tiftix għall-kitba bikrija bil-Malti huwa proċess kontinwu u dejjiem minħabba li għad hemm dokumenti x’jiġu skoperti u li għadhom fid-dlam, imwarba f’xi rokna lesti biex jinstabu u jimlew il-vojt fl-istorja tal-ilsien Malti. Meta dawn il-kitbiet jingħaqdu flimkien joħolqu stampa iktar sħiħa ta’ dak li seta’ kien il-Malti qabel ma’ ħa din is-sura u li permezz t’hekk isir studju dijakroniku tal-lingwa. Wieħed mill-oqsma ta’ riċerka li qed jingħata importanza tul dan l-aħħar snin huwa l-qasam tal-predikazzjoni. L-interess fuq it-tiftix għall-prietki żdied u miegħu ġab tagħrif ġdid fuq predikaturi stabbiliti imma wkoll oħrajn li għadhom anonimi. Dan it-tagħrif qanqalli interess u wara indikazzjonijiet li jeżistu diversi prietki fil-librerija tal-Oratorju ta’ San Filippu tal-Isla, ir-riċerka bdiet issir. Dawn il-prietki huma lkoll kemm huma ta’ Franġisku Saverju Baldacchino (1774-1860). Diġà sar studju u analiżi dwar wħud mill-prietki ta’ Baldacchino mill-Professur Oliver Friggieri u saret il-ġabra ta’ dettalji bijografiċi minn Patri Victor Xuereb flimkien ma’ pubblikazzjoni tal-poeżiji ta’ Baldacchino stess. Dan l-istudju huwa maħsub li jipprovdi iktar osservazzjonijiet dwar Franġisku Saverju Baldacchino, is-sehem tiegħu fl-istorja tal-ilsien Malti, l-inizjattiva li jikteb bil-Malti f’kultura Taljana, il-kontribut ta’ xogħlijietu li jagħtu dawl ġdid fuq x’tip ta’ lingwa kienet qed tingħad u tinkiteb fl-aħħar kwart tas-seklu tmintax bidu tas-seklu dsatax, u li permezz ta’ tħaddim sew tal-pinna Baldacchino ħalla warajh prietki li huma mirquma fil-kelma b’xejriet stilistiċi li kienu bdew jiġu stabbiliti fil-qasam tal-predikazzjoni imma wkoll li hu jtihom libsa ġdida biex jikkomunika l-vuċi t’Alla bħala wieħed mill-Ministri tiegħu. Fuq livell lingwistiku l-iskop huwa li jitwieġbu mistoqsijiet bħal: x’tip ta’ lessiku kien qed jintuża fil-prietki?; b’liema ortografija kienu qed jinkitbu?; liema konsononati bidlu l-ħoss tagħhom?; x’xejriet morfoloġiċi joħorġu mill-prietki?; liema kliem biddel it-tifsira lessikali tiegħu? u x’tip ta’ stil kien qed juża Baldacchino biex jippreżenta dawn il-prietki quddiem in-nies preżenti? L-ewwel taqsima ser tittratta r-reġistru reliġjuż imqabbel ma’ xogħlijiet barranin u l-influwenza tal-Barokk fil-prietki Maltin li tidher li ħalliet impatt fuq l-istil ta’ kitba. Ser jissemmew il-prietki bil-Malti li nkitbu minn diversi predikaturi biex jingħata l-isfond storiku b’risq is-sehem tagħhom għall-bidu tal-kitba mirquma bil-Malti. Nagħlaq il-kapitlu b’lista ta’ xogħlijiet li saru minn studjużi varji fuq prietki bikrin biex tingħata referenza għal min irid ifittex fuqhom. Fit-tieni taqsima ser jingħata informazzjoni bijografiku dwar Franġisku Saverju Baldacchino, osservazzjonijiet oħra li ħarġu mill-prietki fosthom li kien bniedem intelliġenti u tal-knisja mixħut għal kollox għall-ħidma pastorali u li kien jipprietka mhux biss l-Isla imma anke l-Qrendi. Imbagħad tingħata lista tax-xogħlijiet li ħalla warajh Baldacchino fosthom poeżiji bil-Malti u għadd ġmielu ta’ volumi li qalb il-ħafna prietki bit-Taljan inkluda prietki bil-Malti. Fl-aħħar nagħlaq b’esperjenza personali billi nispjega kif sar il-pjan ta’ ħidma u kummenti ġenerali. Fit-taqsima tlieta ser tidher it-traskrizzjoni tas-sitt prietki magħżula bir-raġunijiet għala ntagħżlu dawn il-prietki mill-bqija. Dawn il-prietki qed jidhru għal ewwel darba f’dan l-istudju. Ir-raba’ taqsima tikkonsisti mill-analiżi ta’ dawn is-sitt prietki. L-analiżi nqasmet f’dawn il-kategoriji: l-ortografija, il-fonoloġija, il-morfoloġija, il-lessiku, is-semantika u osservazzjonijiet stilistiċi. Fl-aħħar taqsima nġabar fiha l-punti importanti mill-analiżi u l-konklużjonijiet li ħarġu minnha.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/5324
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2012

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
12BAMAL009.pdf
  Restricted Access
1.78 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.