Please use this identifier to cite or link to this item:
https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/6373
Title: | Ir-reġistru tal-ilbies |
Authors: | Camilleri, Antoine |
Keywords: | Sociolinguistics -- Malta Dialectology Clothing and dress -- Social aspects -- Malta |
Issue Date: | 2015 |
Abstract: | Din it-teżina għandha żewġ għanijiet ewlenin: il-ġbir ta’ termini mir-reġistru tal-ħwejjeġ u l-ilbies u l-esperiment soċjolingwistiku li wettaqt mal-infurmanti Karkariżi u Għawdxin. Kif nispjega iktar fid-dettall fit-tieni kapitlu, reġistru hu ġabra ta’ kliem marbut ma’ qasam partikolari. Bejn wieħed u ieħor jien ġbart ftit inqas minn 300 terminu li jintuża f’dan il-qasam, kif ukoll 100 idjoma li jintrabtu mal-istess suġġett. Il-glossarju hu maqsum f’erba’ taqsimiet differenti (partijiet ta’ ħwejjeġ, aċċessorji relatati mal-ilbies, materjali li bihom magħmulin xi ħwejjeġ u lbies ġenerali), u għal kull terminu ppruvajt insib definizzjoni mill-Maltese-English Dictionary u English-Maltese Dictionary ta’ Joseph Aquilina kif ukoll mill-Miklem Malti ta’ Erin Serracino Inglott. F’każ li d-dizzjunarji ma jagħtux tifsira għal xi terminu jew inkun iltqajt ma’ tifsira differenti minn dik li joffru ż-żewġ dizzjunarji, inniżżilha fi spazju separat u nniżżel is-sors minn fejn sibtha. Dan l-istudju soċjolingwistiku jistħarreġ il-varjazzjoni lessikali tal-qasam tal-ilbies skont tliet fatturi soċjolingwistiċi: is-sess, l-età u l-ġeografija. Il-parteċipanti għażilthom minn Birkirkara u minn Għawdex, għal diversi raġunijiet. Primarjament għaliex il-parti l-kbira tar-residenti ta’ dawn iż-żewġ inħawi ħafna drabi jitkellmu bid-djalett. Għażilt Birkirkara wkoll għax jien noqgħod f’dan il-post, u għalhekk kien iktar faċli niltaqa’ ma’ nies li kont naf diġà jew nies li naf jien setgħu jgħiduli b’nies oħra li jgħixu fl-istess inħawi. Għażilt Għawdex għaliex kont naf li f’dan il-post kont ser insib xi varjanti differenti f’dan il-qasam. L-etajiet tal-parteċipanti kienu bejn 18 u 25 sena u minn 50 sena ‘l fuq biex toħroġ iktar faċilment id-differenza bejn il-ġenerazzjonijiet. Għażilt ukoll il-fattur tas-sess għaliex nemmen li n-nisa u l-irġiel jista’ jkollhom varjanti differenti għall-istess oġġett f’dan il-qasam, jew grupp jista’ jkun iktar speċifiku meta jiġi biex jiddeskrivi oġġett. Din it-teżi hi mqassma f’erba’ kapitli. L-ewwel kapitlu jservi bħala sfond ġenerali għas-suġġett, u hu maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel parti tagħti ħarsa ġenerali fuq l-oriġini tal-ilbies u l-funzjoni tal-ilbies kif inbidlet mis-soċjetajiet primittivi għall-preżent, kif ukoll iħares lejn l-importanza tal-industrija tat-tessuti u tal-ilbies għall-ekonomija tal-Ewropa minn xogħol ta’ Lara Boffa. It-tieni parti tħares lejn l-ilbies f’Malta fl-imgħoddi, u tittratta lbies differenti li kien jintlibes mill-irġiel, min-nisa u mit-tfal f’sitwazzjonijiet soċjali differenti skont ir-riċerka li wettaq Guido Lanfranco. It-tielet u l-aħħar parti tal-ewwel kapitlu toffri xi intervisti li Paul P. Borg kien wettaq ma’ żewġ ħajjata. It-tieni kapitlu jitkellem dwar is-soċjolingwistika u xi fatturi li jistgħu jinfluwenzaw l-lingwa ta’ persuna. L-istess kapitlu jinvolvi tagħrif dwar x’inhu reġistru, varjazzjoni lessikali, qlib tal-kodiċi, u fatturi li jinfluwenzaw il-lingwa tal-kelliem, b’mod partikolari dawk tal-età, tas-sess u tal-ġeografija. It-tielet kapitlu jiffoka fuq il-metodoloġija tal-istudju u kif bnejt din il-metodoloġija u l-esperiment tiegħi. Il-kapitlu jispjega xi metodi barranin oħra li stajt nuża, u jkompli b’deskrizzjoni tal-metodu li ddeċidejt li nuża, jiġifieri l-għażla tal-istampi u l-infurmanti, l-istudju pilota u xi diffikultajiet li sibt. It-tieni parti ta’ dan il-kapitlu tittratta l-analiżi u u d-diskussjoni tar-riżultati li ħarġu mill-esperimenti. Ir-raba’ u l-aħħar kapitlu jinkludi l-glossarju u t-tabelli tal-esperiment. Fl-aħħar tal-istudju wieħed isib l-appendiċi li hu maqsum f’żewġ sezzjoniet oħra: ‘Appendiċi 1’ li fih l-istampi li wrejt lill-parteċipanti waqt l-esperiment, u ‘Appendiċi 2’ li fih ir-riżultati li ħarġu mill-esperiment impoġġijin f’tabelli. |
Description: | B.A.(HONS)MALTESE |
URI: | https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/6373 |
Appears in Collections: | Dissertations - FacArtMal - 2015 |
Files in This Item:
File | Description | Size | Format | |
---|---|---|---|---|
15BAMAL007.pdf Restricted Access | 4.61 MB | Adobe PDF | View/Open Request a copy |
Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.