Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1050
Title: Il-poeżiji ta’ Ġan Anton Vassallo : interpretazzjoni soċjoloġika
Authors: Aquilina, Lorraine
Keywords: Poets, Maltese -- 19th century -- Criticism and interpretation
Maltese poetry -- 19th century
Maltese literature -- 19th century
Issue Date: 2014
Abstract: Sa minn żmien Platun il-letteratura ntrabtet mal-prinċipju Klassiku tal-mimesi u tqieset bħala l-mera tas-soċjetà għax b’modi u espressjonijiet differenti rrappreżentat qagħdiet soċjali u politiċi ta’ soċjetajiet partikolari fi żminijiet differenti (Hegtvedt 1). Il-letteratura ma kinitx sempliċiment xi ħaġa sabiħa u li tagħti gost imma kellha tkun vitali u ta’ benefiċċju kemm għall-kittieba kif ukoll għas-soċjetà (Carlin 14). Bosta kritiċi huma tal-fehma li xogħol narrattiv, aktar minn xogħol poetiku huwa l-aħjar mezz letterarju biex tingħata stampa dettaljata u aktar mill-qrib tas-soċjetà (Oshin, “Sociology of Literature”). F’dan l-istudju din l-idea se tiġi kkontestata għax se tingħata importanza lill-interazzjoni reċiproka bejn il-poeżiji Romantiċi ta’ Ġan Anton Vassallo u s-soċjetà Maltija tal-ewwel nofs tas-seklu dsatax. Il-fatt li l-poeżija nkitbet xi darba jfisser li għandha kuntest storiku, ladarba nkitbet minn xi ħadd ifisser li għandha kuntest psikoloġiku u la nkitbet xi mkien ifisser li għandha kuntest soċjali u politiku. Il-poeżiji juruna x’bidla seħħet matul is-snin, jirriflettu fuq l-importanza tal-istorja, u jagħtu lok għall-osservazzjoni kritika minn perspettiva soċjoloġika, kemm jekk huma ċajtiera, satiriċi, patetiċi jew patrijottiċi. Is-siltiet kollha tal-poeżiji ta’ Vassallo li jidhru f’din it-teżi qegħdin jiġu studjati fid-dawl ta’ interpretazzjoni soċjoloġika u huma meħuda mill-ktieb Ġan Anton Vassallo: Il-Poeżiji; Miġburin b’Daħla u b’Noti minn Oliver Friggieri, ippubblikat fl-2012. Ix-xogħlijiet letterarji tiegħu nkitbu bl-għan li jitfgħu dawl fuq il-vizzji, id-destin tal-passat kif ukoll tal-preżent biex b’dan l-iskop il-kittieb inissel kuxjenza meħtieġa fost il-kotra bit-tama li jikkoreġu l-iżbalji u jemanċipaw ruħhom. Vassallo kien jemmen li l-letteratura tista’ tibdel lis-soċjetà u tħalli effetti pożittivi fuqha. Għalhekk inqeda bil-poeżiji biex jibdel u jipperfezzjona moralment lis-soċjetà permezz ta’ preżentazzjoni ta’ fehmiet ġodda u modi diversi ta’ raġunament għax wara kollox mingħajr letteratura s-soċjetà kienet tkun nieqsa mill-moralità u r-razzjonalità. Fl-ewwel taqsima se jingħata tagħrif dwar l-isfond storiku u kulturali tas-seklu dsatax, b’mod partikolari dwar il-wasla tal-eżiljati Taljani ta’ żmien ir-Risorġiment, il-proklamazzjoni tal-Libertà tal-Istampa u l-kontribut tagħhom lejn żviluppi kulturali Maltin. Fit-tieni parti tal-kapitlu se jingħata tagħrif bijografiku u tagħrif dwar il-ħidma letterarja u soċjoloġika tal-poeta bħala iben u werriet tal-mentalità ta’ dan iż-żmien. Fit-taqsimiet ta’ wara l-attenzjoni se tkun fuq l-aspetti soċjali li f’dan il-perjodu tant kienu qegħdin fi kriżi li ma setgħux ma jinfluwenzawx lill-poeta fil-kitbiet tiegħu. Il-punt tat-tluq tiegħu hu dejjem l-isfond storiku, politiku, soċjali u kulturali iżda mbagħad xogħlu jilħaq il-milja tiegħu fil-kummenti u l-opinjonijiet personali. Sabiex l-argumenti tiegħu fuq temi diversi jkunu mifhumin aktar se jintrabtu ma’ teoriji soċjoloġiċi barranin biex minn dawn iż-żewġ perspettivi tinħoloq interpretazzjoni aktar ċara u dettaljata tal-analiżi tiegħu tas-soċjetà. Fit-tieni taqsima ser tiġi diskussa l-qagħda mwiegħra u inferjuri tal-Maltin fi żmien il-ħakma Ingliża u f’perjodu li kien ikkaratterizzat minn tħarbit fl-istorja politika, ekonomika u soċjali. Se tingħata ħarsa wkoll lejn l-istratifikazzjoni soċjali fejn Malta kienet maqsuma f’żewġ partijiet: l-ibliet tan-naħa tal-Port il-Kbir u l-irħula, il-klassi l-għanja u l-klassi l-fqira. Fi kliem ieħor il-Maltin ġew imqassma fi strati skont il-poter, l-edukazzjoni, il-prestiġju, il-proprjetà u l-fatturi ekonomiċi tal-individwi. Se ssir evalwazzjoni fuq liema tip ta’ ideoloġija qiegħed ifassal il-kitbiet tiegħu l-poeta minħabba li għandu s-setgħa li jisfidaha u jittrasformaha f’waħda ġdida favur nazzjon emanċipat u b’livell xieraq ta’ għejxien. It-tielet taqsima tivverifika li d-differenzi bejn l-irġiel u n-nisa ġew prodotti kulturalment u mhux bijoloġikament għax fiż-żminijiet tal-qedem il-figura femminili ma dehritx bħala ħlejqa dgħajfa li ma tgħaddix mingħajr il-protezzjoni tar-raġel. Iżda ġara li minħabba s-sistema patrijarkali s-sess maskili ngħata aktar vantaġġ mis-sess femminili. Minħabba li din l-idea kienet stabbilita universalment u għax ħafna mill-poeti Romantiċi kienu rġiel, il-mara ġiet osservata minn perspettiva maskili fil-femminilità tagħha u għalhekk l-irwoli tal-karattri femminili fil-letteratura kienu jirriflettu l-isterjotip kulturali tas-soċjetà. L-aħħar kapitlu jiffoka l-aktar fuq id-diskors dwar ir-reliġjon Kattolika u r-razza li ntuża kemm politikament mill-kolonjalisti biex jibnu l-imperi tagħhom fuq id-distinzjoni bejn min hu ċivilizzat u min mhux, kif ukoll letterarjament mill-poeti sa minn żmien is-seklu dsatax biex jinħoloq sens ta’ għaqda fost il-komunità Maltija imma fl-istess ħin biex joħloq distinzjoni ġġustifikata bejn in-nies tal-post u l-barranin. Id-diskors f’termini ta’ razza ġie użat ukoll biex jinħolqu differenzi lingwistiċi. Minħabba f’hekk il-lingwa Maltija għal ħafna snin kienet marbuta ma’ preġudizzji u sabet ħafna tfixkil għax għalkemm kienet il-lingwa tal-poplu, din ma kinitx toffri s-sens ta’ sigurtà bħalma kienet tagħti l-lingwa kulturali tat-tradizzjoni Ewropea.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1050
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL001.pdf
  Restricted Access
14BAMAL0011.46 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.