Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1129
Title: Il-metafora kunċettwali fil-Malti : analiżi bil-korpus ta’ kliem mill-qasam tal-pjanti
Authors: Debono, Maria
Keywords: Maltese language -- Morphology
Maltese language -- Figures of speech
Horticulture -- Malta
Issue Date: 2014
Abstract: Din ir-riċerka tittratta l-metafora, b’mod partikolari l-metafora kunċettwali. Fil-fatt, il-punt tat-tluq tar-riċerka hu x-xogħol ta’ Lakoff u Johnson, Metaphors we live by. Stħarriġt dan l-istudju, u rajt kif metafori meħudin mill-ħajja ta’ kuljum jirriflettu kif jaħseb il-bniedem. Din l-analiżi għamiltha bis-saħħa tal-korpus tal-Malti, l-MLRS, billi investigajt għalqa semantika ta’ kliem mill-qasam tal-pjanti, u rajt il-kuntesti li jintużaw fihom. B’hekk, ippruvajt nagħraf il-mappjaturi li hemm f’moħħ kelliem Malti meta jkun qed juża l-lingwa. It-tqassim tax-xogħol Dan ix-xogħol maqsum f’żewġ partijiet ewlenin; il-parti fejn nitkellem dwar it-tipi differenti ta’ metafora u nistħarreġ il-korpus u kif jista’ jintuża għar-riċerka tiegħi dwar il-metafora kunċettwali, u t-tieni parti, li tiġi l-parti tal-investigazzjoni. Il-parti tal-investigazzjoni hi analiżi ta’ sett ta’ kliem li huma żewġ verbi u żewġ nomi. Fl-ewwel kapitlu nirriċerka l-bidu tal-metafora, u nara għala hi teknika importanti li l-bniedem iħaddem ta’ kuljum. Matul l-ewwel kapitlu ltqajt ma’ studji differenti fuq il-metafora. Fosthom jispikkaw ix-xogħlijiet ta’ Ricoeur, Shibles u Reimar. B’hekk stajt nieħu idea tal-istudji fuq il-metafora minn lenti aktar letterarja. L-ewwel kapitlu jiffoka b’mod speċjali fuq il-metafora kunċettwali. Madankollu, stħarriġt id-differenzi bejn tipi ta’ metafora. Wara dan, rajt x’metafori mejta għandna fil-Malti li jistgħu jissejħu metafori kunċettwali. Fit-tieni kapitlu niddiskuti d-definizzjoni ta’ korpus u nagħti ħarsa lejn tipi differenti ta’ korpora li jeżistu għal-lingwi differenti. Barra minn hekk rajt x’funzjonijiet differenti għandu l-korpus, u fuq kollox, x’funzjonijiet għandu l-MLRS li nista’ nuża għar-riċerka tiegħi. Għalhekk, nagħti ħarsa lejn il-korpus tal-Malti, kif inbena u għala hu bżonjuż għal-lingwa Maltija. Wara li nifhem kif jaħdem il-korpus, ngħaqqad il-metafora u l-korpus permezz ta’ xogħlijiet barranin li diġà saru fuq il-metafora. Nara kif il-metafori kunċettwali jistgħu jiġu applikati f’korpus, u għala l-korpus jgħin f’din it-tip ta’ riċerka. B’dan il-mod rajt metodoloġiji ta’ nies oħra biex nibbaża x-xogħol tiegħi fuqhom u nara liem metodu għandi nuża għall-investigazzjoni. Nitkellem ukoll dwar kif għamilt użu mill-korpus, l-għażla tal-kliem u xi diffikultajiet li ltqajt magħhom waqt li rriċerkajt il-metafora fil-kliem magħżula. L-ewwel u t-tieni kapitlu għenuni biex inkun nista’ nagħmel l-analiżi tiegħi. Fit-tielet kapitlu niddiskuti r-riżultati u nanalizza r-riżultati. Jiġifieri, nitkellem dwar il-kuntesti li sibt il-kliem fihom – kull kelma analiżi għaliha, iżda kif inhi differenti jew simili mal-kliem l-ieħor li analizzajt. Hawnhekk wieħed jista’ jara l-metafori kunċettwali li ħarġu mill-kelmiet, u metafori oħra li għalkemm jintużaw fil-ħajja ta’ kuljum, ma qisthomx bħala metafori kunċettwali. Barra minn hekk, it-tifsira letterali tal-kliem għenitni biex nara x-xebh ta’ kif qed issir il-metafora. Problemi matul it-teżi Matul dan l-istudju kien hemm xi diffikultajiet, li però għenuni nsaħħaħ ir-riċerka. Waħda mill-iktar diffikultajiet li kelli hi l-għażla tal-kliem, jiġiferi minn fejn nibda l-analiżi. Dan minħabba li naqbad għalqa semantika partikolari, u wara li nirriċerka fuqha, tinteressani għalqa semantika oħra li ma jkollhomx x’jaqsmu ma’ xulxin. Fil-fatt, inizjalment kont se nirriċerka partijiet tal-ġisem bħal moħħ, id, u qalb. Din xorta waħda kienet se tkun interessanti. Madankollu, għażilt li nanalizza żewġ verbi u żewġ nomi, minħabba li ħassejt li d-differenza fil-kategorija grammatikali tal-kelmiet tkun xi ħaġa ta’ interess akbar waqt li qed nistudja l-metafora. Għad m’hemmx studji fid-dettall dwar il-metafora kunċettwali fil-Malti, u din kienet ta’ sfida biex nidentifika l-metafori kunċettwali li ħarġu mill-analiżi. Kienet diffiċli biex nikkategorizza ċerti kunċetti, u mhux l-ewwel darba li kunċett insemmieh mod, u wara aktar riċerka nbiddel l-isem biex naddattah iktar mal-kunċetti l-oħra li jidħlu f’dik il-metafora speċifika.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1129
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL017.pdf
  Restricted Access
14BAMAL0172 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.