Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120173
Title: Ir-rumanz polizjesk skont Paul Xuereb
Authors: Camilleri, Wayne (2023)
Keywords: Xuereb, Paul, 1923-1994 -- Criticism and interpretation
Detective and mystery stories, Maltese -- 20th century
Realism in literature
Issue Date: 2023
Citation: Camilleri, W. (2023). Ir-rumanz polizjesk skont Paul Xuereb (Bachelor's dissertation).
Abstract: Din it-teżi tħares lejn ir-rumanzi polizjeski ta’ Paul Xuereb u tanalizza lkaratteristiċi tematiċi u stilistiċi ewlenin ta’ dan il-ġeneru tan-narrattiva kriminali. Xuereb ħoloq dak li jidher li hu l-ewwel investigatur tad-delitti li jaħdem fil-qafas talkorp tal-pulizija u dan huwa l-ewwel studju akkademiku komprensiv tal-ġeneru kriminali bil-Malti. Fil-kapitli ewlenin nixħet l-attenzjoni tiegħi fuq it-tliet rumanzi ta' Xuereb, Il-Każ tat-Tfajla Maħruqa (1966), Is-Serqa ta' Nicolas Cotoner (1967), u Qtil f'San Pawl il-Baħar (1968), billi nħares lejn il-karatterizzazzjoni, in-narrazzjoni, il-plott, u elementi narrattivi oħrajn li dan ir-rumanzier juża fir-rumanzi tiegħu. Għażilt li niffoka fuq it-triloġija ta’ awtur wieħed miktuba fuq medda ta’ tliet snin fl-aħħar tas-snin sittin biex l-istudju tiegħi ma jinfirixx iżżejjed u b’hekk inkun nista’ nidħol kemm jista’ jkun fil-fond fl-analiżi tiegħi. Għażilt dan ix-xogħol letterarju ta’ Xuereb u mhux, ngħidu aħna, ir-rumanzi kriminali ta’ Ivo Muscat Azzopardi, għax il-ġeneru polizjesk jinteressani iktar minn ġeneri oħra. Barra minn hekk, ir-rumanzi ta’ Paul Xuereb ftit li xejn jissemmew fid-diskors kritiku u jidhirli li jistħoqqilhom ferm iktar attenzjoni. Il-kitba ta’ dan il-ġeneru turi li l-letteratura Maltija hija iktar varjata minn kif ġieli nippreżentawha u n-narrattiva ta’ Xuereb hija xhieda oħra ta’ din il-varjetà. L-ewwel kapitlu jiffoka fuq it-teorija letterarja ta’ John Scaggs li fix-xogħol tiegħu Crime Fiction jipprovdilna analiżi importanti tal-ġeneru kriminali. Fil-bidu se nħares lejn l-oriġini ta’ dan il-ġeneru u nara kif bil-mod il-mod beda jiżviluppa barra minn Malta. Imbagħad se nara kif permezz ta’ dan l-iżvilupp, dan il-ġeneru kompla jinqasam f’iżjed fergħat sabiex eventwalment ħarġu minnu diversi sottoġeneri li lkoll għandhom il-karatteristiċi distinti tagħhom. Il-ġeneru tad-ditektivs u tal-misteru jinqasam f’żewġ sottoġeneri oħra, miegħu hemm ukoll il-Whodunnit u l-Hard-Boiled; il-ġeneru polizjesk; u n-Noir. Permezz tal-kunċettwalizzazzjoni fil-ktieb ta’ Scaggs, u xogħlijiet ta’ awturi u akkademiċi oħrajn bħal Jean-Claude Izzo, Oranda Davis, u Primasita u Ahimsa-Putra, stajt nidħol fil-karatteristiċi ta’ kull sottoġeneru, nara x’tip ta’ plott u protagonista fihom, u liema element jingħata prijorità, sabiex b’hekk toħroġ iżjed ċara d-differenza ta’ bejniethom. Permezz tat-terminoloġija u t-tqassim li jipprovdi dan il-kapitlu nistgħu faċilment nikkonfermaw li r-rumanzi ta’ Xuereb jaqgħu taħt is-sottoġeneru tal-polizjesk. It-tieni kapitlu se jiffoka fuq Tarcy Saydon, il-protagonista rikorrenti fit-triloġija ta’ Xuereb bħala ditektiv fil-korp tal-pulizija. Id-ditektiv huwa wieħed mill-iżjed elementi importanti fin-narrattiva letterarja kriminali għax ħafna drabi jiddetermina taħt liema sottoġeneru jaqa’ rumanz kriminali. L-għan ewlieni ta’ dan il-kapitlu huwa li jħares lejn il-karatteristiċi tal-protagonista fil-polizjesk fid-dawl tad-ditektiv ta’ Xuereb. Minkejja li Tarcy Saydon huwa essenzjalment ditektiv tal-polizjesk, għandu xi kwalitajiet li jixbhu lil dawk ta’ ditektivs klassiċi tal-Whodunnit bħal C. Auguste Dupin, Hercule Poirot, u Sherlock Holmes. Għaldaqstant, dan il-kapitlu se jagħti ħarsa ħafifa lejn dawn it-tliet protagonisti u jara x’similaritajiet hemm bejnhom u bejn ilprotagonista ta’ Xuereb. Biex nibni l-personalità tiegħu se nittratta l-esperjenza ta’ Tarcy fuq xogħlu, it-tipjip u s-simboloġija tiegħu, u x-xogħol kontra l-ħajja personali tad-ditektiv. Fit-tielet kapitlu niddiskuti r-realiżmu fit-tliet rumanzi ta’ Xuereb skont itteorija ta’ Eddy Von Mueller fuq ir-realiżmu fil-polizjesk. Scaggs, Primasita u AhimsaPutra jisħqu fuq l-importanza li rumanz polizjesk ikollu elementi realistiċi sabiex jegħleb is-suġġettività ta’ sottoġeneri oħrajn. Von Mueller jiffoka l-iżjed fuq ittqassim tax-xogħol bejn il-membri tal-korp, u fuq id-dħul sal-inqas dettall fil-metodi li jużaw il-pulizija fl-investigazzjoni tal-każijiet li jkollhom quddiemhom. Il-Każ tat-Tfajla Maħruqa, Is-Serqa ta’ Nicolas Cotoner u Qtil f’San Pawl il-Baħar huma mimlija b’dawn l-elementi ta’ realiżmu, u għalhekk jistgħu faċilment jitqiesu bħala rumanzi li joffru rappreżentazzjoni tad-dinja reali li ngħixu fiha, għaliex imissu anki realtajiet soċjali oħra bħal-lingwa u l-faqar fiż-żmien li fih inkitbu r-rumanzi. Ir-raba’ kapitlu jitkellem dwar in-narrazzjoni u l-plott fir-rumanzi ta’ Xuereb. Scaggs jargumenta li waħda mill-iżjed karatteristiċi importanti tal-polizjesk hija nnarrazzjoni fit-tielet persuna. Għalhekk, niddiskuti x’tip ta’ vuċi eterodijeġetika għandna, u x’tip ta’ fokalizzazzjoni qed issir. Huwa minnu li dawn ir-rumanzi jiġu rrakkuntati fit-tielet persuna, iżda l-avvenimenti li jseħħu fihom dejjem narawhom mill-puntidivista tad-ditektiv. Wara nitkellem fuq id-djalogi u l-interrogazzjonijiet flistil dirett, u r-rappreżentazzjoni tal-ħsibijiet tad-ditektiv, tliet elementi importanti oħra tan-narrazzjoni li minnhom toħroġ informazzjoni essenzjali fuq il-plott tarrumanzi. Dawn it-tekniki dejjem niddiskutihom b’rabta man-narratoloġija ta’ Gérard Genette, H. Porter Abbott, u Monika Fludernik. Imbagħad inħares lejn il-qtil f’Il-Każ tat-Tfajla Maħruqa u Qtil f’San Pawl il-Baħar, u nara x-xebh u d-differenzi bejn il-qtil ta’ Rusanna Tanti u dak ta’ Edna Smith. Għal din il-parti tal-kapitlu nistrieħ fuq itteorija ta’ Megan Hoffman dwar ir-rappreżentazzjoni tal-mara fil-polizjesk. Fl-aħħar tal-kapitlu naqsam it-tliet rumanzi skont it-tip ta’ delitt li jitwettaq u nara jekk dan ilfattur iwassalx għal xi differenzi bejniethom fil-mod kif jinbena l-plott.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120173
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2023
Dissertations - FacArtMal - 2023

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
2308ATSMAL300000015176_1.PDF
  Restricted Access
1.1 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.