Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120253
Title: L-innijiet tal-għaqdiet Maltin : ġabra u analiżi
Authors: Muscat, Annemarie (2023)
Keywords: Hymns -- Malta
Hymns -- Analysis, appreciation
Societies -- Malta
Issue Date: 2023
Citation: Muscat, A. (2023). L-innijiet tal-għaqdiet Maltin: ġabra u analiżi (Bachelor's dissertation).
Abstract: Din it-teżina ser titratta l-qasam tal-innijiet tal-għaqdiet Maltin u Għawdxin għaliex dan huwa qasam tat-tradizzjoni orali li ftit ġie trattat f’testi akkademiċi. Minħabba f’hekk, xtaqt li nimla l-vojt permezz ta’ riċerka estensiva f’dan il-qasam. Xtaqt li nistudja dawn l-innijiet għaliex huma tradizzjoni li għandha għeruq sodi fl-istorja ta’ pajjiżna u jkun ta’ għajb kbir kieku jintilfu darba għal dejjem, kif qed jiġrilhom ħafna innijiet u elementi tat-tradizzjoni orali oħra. Barra minn hekk, jiena membru ta’ banda fil-Mosta u b’hekk għandi ċertu qrubija għal dan il-qasam. Minkejja dan, fl-għaqda partikolari li nappartjeni magħha jien l-innu jindaqq biss filwaqt li aktar ma jmur iż-żmien, il-lirika qed tintesa għaliex ma titkanta qatt għajr għal f’xi okkażjoni speċjali. Dawn l-innijiet huma differenti minn tipi oħra ta’ mużika vokaliċi għaliex minbarra li jħallu impatt fuq il-membri tal-għaqda nfushom, jħallu impatt wkoll fuq is-semmiegħa kollha tiegħu permezz ta’ fenomeni differenti. F’din it-teżina ffukajt fuq: • Id-definizzjoni u l-etimoloġija tal-idea u tal-kelma Innu, kemm fil-Malti kif ukoll fit-Taljan u fl-Ingliż • L-isfond storiku li fih bdew jinbtu dawn l-għaqdiet diversi kif ukoll l-isfond storiku li fih inkibbu diversi innijiet ta’ dan il-qasam. • It-temi komuni li nsibu fil-ġeneri kollha bħalma huma t-tifħir lejn entità jew persuna • It-temi distinti tal-ġeneri differenti b’eżempji minn numru żgħir ta’ innijiet rapreżentattivi li għażilt mill-ġabra tiegħi. • It-tekniċi figurattivi li huma tipiċi f’dawn l-innijiet Minħabba l-fatt li f’Malta għandna ammont sostanzjali ta’ għaqdiet li jħaddnu innu speċifiku, kien hemm bżonn li jintgħażlu ċertu ġeneri li trattajt f’din it-teżina. Dawn huma l-innijiet tal-baned, innijiet iddedikati lill-qaddisin patruni, jew l-innu popolari, linnijiet tal-iskejjel, l-innijiet politiċi, l-innijiet nazzjonali u l-innijiet sportivi. Dawn il-ġeneri mhumiex il-ġeneri kollha ta’ innijiet li nsibu fil-Gżejjer Maltin iżda għażilt li nitratta dawn għaliex filwaqt li għandna numru sostanzjali minnhom, huma distinti minn xulxin biżżejjed li jidhru b’mod ċar id-differenzi fil-lirika, fit-temi u fl-istil tagħhom. Apparti dawn l-innijiet li trattajt jien f’din it-teżina, insibu wkoll numru ta’ innijiet li jintużaw f’diversi movimenti u promozzjonijiet, kif ukoll innijiet fil-qasam reliġjuż. Wara ġabra estensiva ta’ madwar 120 innu, għażilt li niffoka fuq dawn l-oqsma u għażilt xi innijiet li għandhom il-karatteristiċi tipiċi biex ikunu rappreżentazzjoni talġeneru tagħhom. F’Malta, l-għaqdiet saru parti mill-ħajja ta’ diversi persuni għaliex f’diversi lokalitajiet madwar il-gżejjer nsibu għadd kbir ta’ għaqdiet li jinkludu każini tal-baned, għaqdiet sportivi u parroċċi b’patruni differenti. Tradizzjonalment, dawn l-għaqdiet ikollhom kollezzjoni vasta ta’ kant u marċi iżda l-aktar li jispikka huwa l-innu trijonfali li fih iħaddan il-valuri u fehmiet li jidhru bħala prijorità għal dik l-għaqda speċifika. Dawn linnijiet jistgħu jinqasmu f’diversi ġeneri differenti li jitrattaw aspetti u temi differenti minn xulxin iżda, fil-qofol tagħhom, għandhom funzjoni waħda; li jfaħħru lil dik l-entità speċifika. Funzjonijiet oħra li jista’ ikollhom dawn l-innijiet jistgħu jvarjaw minn pika u kompetizzjoni għal talb u dan jiddependi mit-tip ta’ għaqda li huma ddedikati għalihom. Dawn l-innijiet tipikament huma magħmula minn mużika u lirika iżda llum xi wħud minnhom għadhom jindaqqu mingħajr ma jitkantaw. Dan huwa dnub kbir għaliex din il-lirika normalment tkun miktuba minn poeti kbar li jkollhom ċertu relazzjoni ma’ dik l-għaqda jew ma’ dik il-lokalità u jistgħu jitqiesu bħala patrimonju kemm ta’ dik l-għaqda speċifika, kif ukoll għal-lokalità u għan-nazzjon. Fl-istorja ta’ dawn l-innijiet, speċjalment qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, kien hawn tradizzjoni li jinkitbu bit-Taljan u dan kien isir għaliex filwaqt li t-Taljan kien meqjus bħala l-lingwa l-għolja, il-Malti kien meqjus bħala l-lingwa l-baxxa. Aktar tard, kien hawn diversi sforzi sabiex l-innijiet li kienu diġà miktuba jinqalbu mit-Taljan għall-Malti. Dan ixxogħol kien isir minn diversi dilettanti bħalma hu Dun Frans Camilleri li kien jittraduċi ħafna innijiet reliġjużi ta’ diversi lokalitajiet. Minbarra dan, dawn l-innijiet tal-għaqdiet ivarjaw ukoll fl-istili għaliex għandna innijiet b’ton solenni u b’rittmu aktar kajman li jixbhu l-innijiet reliġjużi u għandna innijiet b’ton aktar ċelebrattiv u b’rittmu aktar mgħaġġel li jissejħu inni-marċi. L-inni-marċi huma partikolari għaliex iħalltu flimkien ċertu karatteristiċi li huma tipiċi fl-innu u karatteristiċi li huma tipiċi għal marċ. Kif żvela Mro. Manoel Pirotta fl-intervista li għamiltlu, dan isir permezz ta’ elementi ta’ marċ fil-bidu u fit-trio tiegħu filwaqt li fil-partijiet l-oħra, dan l-innu-marċ jieħu l-elementi tal-innu. Dawn l-istili differenti huma dipendenti mill-ġeneru iżda mhux għalkollox. L-innijiet sportivi jidhru b’mod esklussiv bħala inni-marċi għaliex minħabba l-ambjent li jintużaw fih, it-ton ċelebrattiv huwa essenzjali filwaqt li l-innijiet tal-iskejjel, l-innijiet politiċi u l-innijiet politiċi jidhru bħala innijiet b’ton aktar solenni u dan ukoll jiddependi mill-ambjent li fihom jintużaw. L-innijiet tal-baned u l-innijet tal-glorja (ddedikati lill-qaddisin) huma daqxejn differenti għaliex jużaw iż-żewġ stili sabiex l-innografi jgħaddu l-messaġġ mixtieq.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120253
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2023
Dissertations - FacArtMal - 2023

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
2308ATSMAL300005072649_1.PDF
  Restricted Access
1.43 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.