Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120256
Title: L-oralità riflessa fil-lirika : il-marċi brijużi tas-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa, Marsa A.D. 1949
Authors: Bezzina, Henzley (2023)
Keywords: Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa (Marsa, Malta)
Band clubs -- Malta -- Marsa
Band music -- Malta -- Marsa
Band music -- Analysis, appreciation
Issue Date: 2023
Citation: Bezzina, H. (2023). L-oralità riflessa fil-lirika: il-marċi brijużi tas-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa, Marsa A.D. 1949 (Bachelor's dissertation).
Abstract: 1.1. L-Oralità Riflessa fil-Lirika: Il-Marċi Brijużi tas-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa, Marsa A.D. 1949 : Din it-teżi tiffoka kif l-oralità hi riflessa fil-lirika tal-marċi brijużi, speċifikament tal-marċi brijużi li jinsabu fil-libretti tas-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa, Marsa A.D. 1949, u li jitkantaw mill-partitarji ta’ din l-għaqda waqt il-marċi li jsiru fil-ġimgħa talFesta. Dawk li għandhom għal qalbhom il-festa tar-raħal tagħhom ikunu midħla ta’ għaqda jew oħra li jaħdmu sabiex il-festa jkun fiha l-isbaħ ċelebrazzjonijiet, kemm biex ifaħħru l-patruni tal-lokal, kif ukoll jgħollu isem l-għaqda tagħhom, jew anke jaħdmu mal-Knisja jekk jippreferu li ma jassoċċjawx ruħhom ma’ għaqda partikolari. Minn naħa tiegħi, bħala s-Segretarju tal-Kummissjoni Trinitarji fi ħdan din is-Soċjetà, kien naturali għalija li nagħżel li niffoka t-teżi tiegħi fuq il-marċi ta’ din l-għaqda tant għal qalbi għax kont naf li nista’ noffri perpesttivi u nagħmel osservazzjonijiet minn ġewwa. Għalkemm ħadd mill-familja tiegħi mhu midħla tal-ebda għaqda tal-festa filMarsa, minn ta’ età żgħira kont naffaxxina ruħi meta nisma’ l-marċi brijużi li jindaqqu fit-toroq, tant li kont nitlob lil ommi biex tniżżilni l-marċ tal-Ħadd filgħodu, u meta kbirt ftit u kont naffaxxina aktar ruħi meta bdejt nidħol fil-Każin tal-Banda ma’ xi ħbieb. Ta’ 12-il sena ġejt avviċinat mis-Segretarju tal-Każin Byron John Sammut, biex nidħol membru fil-Kummissjoni Trinitarji, u llum il-ġurnata għandi l-rwol ta’ segretarju. Din l-esperjenza kellha sehem kbirfl-għażla li ħadt biex naħdem it-teżi fuq il-marċi ta’ dan il-każin li dejjem ħassejtni parti minnu. Għaldaqstant, f’din ir-riċerka, apparti xi kuntesti storiċi li ħassejt li kienu importanti biex il-qarrejja jkunu jafu fuq is-Soċjetà, analizzajt aspetti differenti li jispikkaw f’dawn il-marċi, bħat-tekniki letterarji fil-lirika tal-marċi brijużi, li apparti li jgħinu l-qarrejja jifhmu x’jinkludi marċ brijuż, iġibuhom konxji ta’ dak li jsir waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-marċi u jagħmluhom aktar familjari mad-dinja tal-festa. 1.2. L-Għanijiet ta’ din ir-Riċerka : L-għan primarju ta’ dan l-istudju hu li niġbor il-marċi brijużi li huma l-aktar qawwija u popolari fost il-partitarji tal-Każin tal-Banda u nanalizza kif l-oralità tidher fil-lirika tal-istess marċi. Permezz ta’ din l-analiżi nesplora mill-qrib kif jiġu ċċelebrati lmarċi organizzati mis-Soċjetà Mużikali Trinita Qaddisa fil-Festa tat-Trinità tal-Marsa. Biex nilħaq l-għanijiet ta’ dan l-istħarriġ kelli nirrakkonta l-istorja ta’ dan il-każin, u anke l-għajdut tal-partitarji u tal-Marsin, peress li l-biċċa kbira tal-lirika li tinkiteb għall-marċi brijużi tirrifletti sitwazzjonijiet li jinqalgħu matul is-snin. 1.3. Sorsi Analizzati : Biex ikolli kemm jista’ jkun informazzjoni rigward l-istorja tal-Każin tal-Banda, kif ukoll għall-isfond tal-marċi brijużi, kelli bżonn varjetà ta’ sorsi primarji u oħrajn sekondarji. Kien għalhekk li ħejjejt żewġ intervisti, waħda mas-Sur Kenneth Vella, ilkittieb tal-lirika tal-marċi brijużi tal-Każin tal-Banda, fejn dan infurmani b’varjetà ta’ informazzjoni kemm rigward il-marċi u l-aspetti orali li fihom, kif ukoll dwar aspetti storiċi. Intervistajt ukoll lis-Sur Sandro Spiteri, membru fil-Kumitat Ċentrali tal-Każin li, apparti li għarrafni b’diversi fatturi orali fuq il-marċi, tani informazzjoni dwar ilMaġġur Anthony Aquilina, surmast tal-marċi li ħassejt li kien ta’ importanza kbira għall-Każin. Mill-banda l-oħra, il-ktieb tal-festa maħruġ mill-Każin fl-1999 għall-għeluq il-50 sena tal-Banda Trinità, li sellifni s-Sur Victor Cilia, eks segretarju u president talistess għaqda, ukoll serva bħala sors primarju, b’mod speċjali għar-riċerka storika dwar il-Każin u dwar l-ewwel surmast tal-Banda Trinità. Sorsi oħra sekondarji, bħallktieb Oral Literature in Africa ta’ Ruth Fennigan kien utli fl-għarfien tal-aspetti performattivi li jidhru fil-marċi brijużi. 1.4. It-Tqassim tat-Teżi Il-kitba ta’ din it-teżi hija maqsuma f’sitt kapitli. L-ewwel kapitlu huwa lintroduzzjoni li jispjega l-għanijiet tar-riċerka, is-sorsi analizzati u t-tqassim ta’ dan listudju. It-tieni kapitlu jersaq lejn definizzjoni ta’ marċ brijuż, id-differenzi bejn ilmarċi li jwasslu għall-oriġini tal-marċi brijużi, u kummenti fuq aspetti varji tattradizzjoni orali fi ħdan il-marċi brijużi. Dan il-kapitlu jwassal għat-tielet kapitlu li jippreżenta l-kuntest storiku tal-Każin tal-Banda u ta’ żewġ personaġġi prominenti filKażin. Ir-raba’ kapitlu jispjega pass pass kif twettqet din ir-riċerka bi spjegazzjoni fuq il-ġbir tal-materjal, li jinkludi l-għodda użata għall-intervisti, u kif ġbart il-materjal. Wara l-metodoloġija, il-ħames kapitlu janalizza mill-qrib it-tekniki użati f’dawn ilmarċi, bħat-ton u l-iperbole. Dan l-aħħar kapitlu prinċipali josserva l-aspetti orali waqt il-marċi, bħaċ-ċapċip u l-kant, u anke l-ilbies tal-partitarji, fost diversi fatturi oħra li jagħmlu l-marċ brijuż. Barra minn hekk, iħares lejn id-differenzi u s-similaritajiet fil-lirika tal-marċi brijużi bejn il-Każin tal-Banda u għaqdiet oħra barra llokalità tal-Marsa.
Description: B.A. (Hons)(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/120256
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2023
Dissertations - FacArtMal - 2023

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
2308ATSMAL300005072740_1.PDF
  Restricted Access
1.85 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.