Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/13369
Title: Studju soċjolingwistiku fuq ir-reġistru tal-futbol
Authors: Borg, Clayton
Keywords: Sociolinguistics -- Malta
Maltese language -- Variation
Maltese language -- Discourse analysis
Maltese language -- Jargon
Soccer -- Terminology
Issue Date: 2016
Abstract: Din it-teżina hija maqsuma f’erba’ kapitli prinċipali. L-ewwel kapitlu jittratta dak li diġà nkiteb qabel fuq il-futbol u jagħti isfond għal dan is-suġġett. Dal-kapitlu jinkludi l-istorja tal-futbol kif beda fl-Ingilterra u kompla jiżviluppa sabiex sar wieħed mill-iktar sport segwit mid-dinja kollha. Barra mill-futbol internazzjonali, jiġi diskuss ukoll il-futbol lokali u kif dan matul iż-żmien dejjem żviluppa. L-aħħar taqsima ta’ dan il-kapitlu tinkludi xogħlijiet lingwistiċi li nkitbu fuq il-futbol. Dawn ix-xogħlijiet huma ta’ Barbara u Scicluna, Olvin Vella, Steve Borg, u l-aħħar u mhux l-inqas, it-teżi ta’ Keith Attard, li hi l-pedament għall-istudju tiegħi. It-tieni kapitlu jittratta s-soċjolingwistika, il-fatturi li jikkundizzjonaw il-lingwaġġ tan-nies. Dan il-kapitlu hu maqsum f’erba’ taqsimiet li jgħinu aktar lill-qarrejja jifhmu r-riżultati li ħarġu minn dan l-esperiment. Dawn it-taqsimiet jinkludu l-lingwa, id-djalett, l-istudji li saru fuq id-djalett minn Vassalli, Preca, Aquilina, Schabert u Puech, u fl-aħħar il-fatturi soċjolingwistiċi li jinfluwenzaw il-lingwa tal-kelliem. Dawn il-fatturi soċjolingwistiċi li niddiskuti f’din it-taqsima huma l-età, il-ġeografija, is-sess u l-klassi soċjali. Fl-istudju tiegħi nuża l-fatturi tal-età u l-ġeografija. It-tielet kapitlu jittratta l-metodoloġija ta’ dan l-esperiment. Fil-bidu ta’ dan il-kapitlu, hemm taqsima dwar metodoloġija oħra li xi nies użaw fl-esperimenti tagħhom. Din il-metodoloġija tinkludi dik ta’ Hudson, Edmont, Wenker, u Jaberg u Jud. It-taqsimiet l-oħra jiddiskutu kif fassalt l-esperiment tiegħi; il-kwestjonarju u kif żviluppajtu, l-għażla tal-istampi li użajt, l-għażla tal-parteċipanti li fih jinkludi tabelli tal-informazzjoni dwar il-parteċipanti, l-istudju pilota li għamilt qabel bdejt nagħmel l-esperiment propja, u d-diffikultajiet li ltqajt magħhom waqt li kont għaddej bl-esperimenti. Ir-raba’ kapitlu jiddiskuti r-riżultati li ħarġu mill-esperimenti li għamilt. Fih jinkludi dawk it-termini li ma għandhomx varjazzjoni u oħrajn li jvarjaw b’xi mod; primarjament skont l-età u l-ġeografija. Fl-aħħar ta’ dan l-istudju wieħed isib l-appendiċi li hu maqsum fi tlieta. L-appendiċi 1, jinkludi il-kwestjonarju tal-istampi li jiena wrejt lill-parteċipanti sabiex ġbart il-kliem. L-appendiċi 2 jinkludi il-kopja tal-formola tal-kunsens li jiena qabel kull esperiment urejt lill-parteċipanti. Din tistqarr fost l-oħrajn li jekk huma jkunu jridu jieqfu mill-esperiment, jistgħu jagħmlu dan mingħajr ma jkun hemm għalfejn jagħtuni spjegazzjoni. Hekk awtomatikament, ir-risposti li jkunu diġà tawni, inneħħihom mir-riċerka tiegħi. Fl-aħħar nett, fl-appendiċi 3, hemm l-analiżi f’forma ta’ tabelli li jinkludu t-termini li qaluli l-parteċipanti.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/13369
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2016
Dissertations - FacArtMal - 2016

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
16BAMAL005.pdf
  Restricted Access
4.69 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.