Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/1696
Title: Il-metafora fin-novelli ta’ Clare Azzopardi
Authors: Mifsud, Antonella
Keywords: Maltese literature -- 21st century -- History and criticism
Maltese fiction -- 21st century -- History and criticism
Azzopardi, Clare, 1977- . Linja il-hadra -- Criticism and interpretation
Metaphor
Issue Date: 2014
Abstract: F’din it-teżi se nanalizza l-ewwel ġabra ta’ novelli ta’ Clare Azzopardi, Il-Linja l-Ħadra (2006), billi niffoka primarjament fuq l-użu tal-metafora. F’dawn il-kitbiet tagħha jispikka dan l-element u nħoss li hemm ħafna x’wieħed jiddiskuti fuqu. Il-metafora hija għodda letterarja li ilha tintuża u tiġi diskussa sa mill-bidu tal-letteratura u hija ħafna drabi neċessità u mhux biss metodu ta’ kif jitqiegħed il-kliem biex ikun estetikament sabiħ. Saru numru ta’ studji dwar dan u fl-ewwel kapitlu se nesplora dak li ntqal minn kritiċi differenti fuq is-suġġett. Ir-raġuni li għażilt li niffoka fuq dan ix-xogħol narrattiv huwa li meta bdejt ir-riċerka tiegħi għal din it-teżi, it-tieni ġabra tan-novelli ta’ Azzopardi, Kulħadd Ħalla Isem Warajh, kienet għadha ma ġietx ippubblikata u allura ma stajtx nagħmel referenzi għaliha. Influwenzawni ukoll xogħlijiet oħrajn tagħha bħar-rakkont Frejp, u x-xogħlijiet għall-palk, L-Interdett taħt is-sodda u In-Nisa Maltin Jafu Kif. Tal-ewwel huwa aktar immirat għall-adolexxenti, minkejja li l-istil kontemporanju u t-tematika tiegħu huma relevanti wkoll għall-adulti. Iż-żewġ xogħlijiet l-oħrajn huma drammi li wieħed minnhom rajtu meta ttella’ t-Teatru Manoel u li fit-tnejn li huma hemm temi li jidhru f’kull kitba oħra tagħha. Ir-referenzi għal dawn ix-xogħlijiet f’din it-teżi huma minimi għar-raġuni li xtaqt li jkun hemm analiżi dettaljata tal-ġabra ta’ novelli f’Il-Linja l-Ħadra. Wieħed mill-elementi li jispikkaw fil-pubblikazzjonijiet ta’ Clare Azzopardi huwa l-preżentazzjoni finali għax il-qoxra tal-ktieb tikkonferma l-fehma popolari li “l-ewwel ma tiekol l-għajn.” Il-Linja l-Ħadra, u mhux b’inqas xogħlijiet oħra, għandu qoxra li toħloq kurżità għal dak li hemm fil-ktieb. Il-fatt li t-titlu jimxi id f’id ma’ dak li tippreżenta l-qoxra juri kemm l-ovvju jaf ma jkunx mistenni u li dak li wieħed jaħseb li jaf sew, ma jibqax daqshekk ċar. Il-kitbiet ta’ din l-awtriċi jieħdu din il-forma pjuttost imprevedibbli u l-qarrejja sikwit jissorprendu ruħhom bil-ġrajjiet ta’ din il-ġabra ta’ stejjer. Il-ktieb ilaqqagħna ma’ individwi bi stejjer u episodji minn ħajjithom li aktarx ma tistenniex li jidhru fi ktieb bħal dan. L-element ta’ surrealiżmu jispikka u jispikkaw ukoll is-sorpriżi f’ħajjet dawn l-individwi. L-użu tal-metafora tul in-novelli jiddomina iżda jingħaqad ma’ mekkaniżmi oħra li jagħmluha aktar effettiva. Għaldaqstant fid-diskussjoni dwar il-metafora jissemmew għodod oħra li jitwaħħdu magħha biex ikun hemm l-effetti mixtieqa. It-tieni u t-tielet kapitlu janalizzaw lista ta’ metafori li tfasslet qabel bdiet il-kitba ta’ din it-teżi. Il-metafori ġew ikkategorizzati skont it-temi u s-suġġetti li jmissu magħhom. It-tieni kapitlu janalizza b’mod speċifiku l-personifikazjoni, id-deumanizzazzjoni u t-transferred epithet, li għalkemm toħroġ f’kull metafora, anke dawk tat-tielet kapitlu, hija aktar evidenti f’din it-taqsima. Se nara liema elementi joħorġu ta’ spiss u b’mod rikorrenti fl-istejjer ta’ dan il-ktieb u liema temi joħorġu f’għadd kbir ta’ metafori. Dawn l-elementijispikkaw fl-istil ta’ kitba ta’ Azzopardi u allura se jkunu kruċjali għall-analiżi tiegħi. It-tielet kapitlu se jiffoka aktar fuq dawk il-metafori li janalizzaw l-emozzjoni u huma iżjed intensi minn dawk li janalizzaw temi aktar tanġibbli. Fit-tieni kapitlu se niffoka fuq ir-relazzjonijiet tal-bnedmin magħhom infushom u ma’ xulxin, mentri fit-tielet kapitlu hemm relazzjoni aktar profonda mal-ħajja u mad-dinja ta’ madwarhom għax jidħlu temi eżistenzjali. Minkejja dan, huwa diffiċli li taqta’ linja dritta bejn grupp ta’ metafori u ieħor għax kollha jidħlu f’xulxin b’tali mod li ma jistgħux jinfirdu għalkollox. L-għan ta’ din it-teżi huwa li nanalizza l-metafori ta’ Azzopardi b’dawl fuq dak li jkun intqal fuq il-metafora qabel. Dak li jinteressani l-aktar huwa l-kontemporanjetà tal-kitba u l-mod kif jinħolqu l-metafori u l-effetti li jħallu. Se niddiskuti metafori qodma u kif issa saru moderni u kif japplikaw għall-karattri u l-istejjer b’mod lokali u fl-istess ħin b’interpretazzjonijiet universali.
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/1696
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2014

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
14BAMAL025.pdf
  Restricted Access
14BAMAL0251.06 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.