Please use this identifier to cite or link to this item:
https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/5337
Title: | In-narrattiva ta' Ġuże Aquilina |
Authors: | Mejlak, Jake |
Keywords: | Aquilina, Ġużè, 1911-1997 -- Criticism and interpretation Maltese literature -- 20th century Historical fiction |
Issue Date: | 2012 |
Abstract: | L-għan ta’ dan l-istudju huwa li juri l-iżvilupp fin-narrattiva ta’ Ġużè Aquilina. Sabiex jintlaħaq dan l-iskop ġew analizzati x-xogħlijiet narrattivi ewlenin li huma relevanti għal dan l-istudju. Ix-xogħlijiet jinkludu ġabra ta’ tlettax-il novella miktuba fuq medda ta’ sebgħa u ħamsin sena (1932-1989) u r-rumanz Taħt Tliet Saltniet li kien miktub fl-1935. Għalkemm saru diversi studji fuq il-letteratura ta’ Aquilina, kważi kollha illimitaw irwieħhom għar-rumanz tiegħu. Mhux biss jinħass in-nuqqas ta’ studju fil-qasam tan-novelli iżda aktar minn hekk ma teżistix ġabra tan-novelli tiegħu. Għal din ir-raġuni l-ewwel pass ta’ dan l-istudju kellu jkun ġabra qasira tax-xogħlijiet qosra tiegħu miġbura l-aktar mill-gazzetti Leħen il-Malti u l-Malti. Ir-rumanz ta’ Aquilina m’ huwiex biss wieħed mill-iktar xogħlijiet importanti fil-letteratura Maltija, iżda għandu sinifikanza fundamentali fin-narrattiva tal-awtur. Infatti f’dan l-istudju Taħt Tliet Saltniet jimmarka svolta fin-narrattiva tiegħu. Minħabba f’hekk, dan l-istudju ġie maqsum fi tliet stadji: (i) ġabra ta’ kitbiet qosra miktuba qabel ir-rumanz (mill-1932 sal-1934), (ii) ir-rumanz (1935), u (iii) ġabra ta’ kitbiet qosra li nkitbu wara r-rumanz (mill-1935 sal-1989). Bl-analiżi ta’ kull stadju, joħroġu fil-beraħ l-iżviluppi tematiċi u stilistiċi fin-narrattiva tal-kittieb. Dan l-istudju jipprovdi kwadru ġenerali tax-xejriet narrattivi ta’ Ġużè Aquilina fid-dawl tal-kritika moderna. Din id-dissertazzjoni fl-ewwel kapitlu tintroduċi l-awtur permezz tal-bijografija tiegħu. It-tieni kapitlu jippreżenta analiżi ddettaljata tal-ewwel sitt xogħlijiet qosra tiegħu miktuba qabel ir-rumanz. It-tielet kapitlu li jitratta r-rumanz jibda billi jagħti ħarsa tal-isfond storiku-politiku taż-żminijiet li fihom inkiteb biex b’hekk meta jiġi analizzat l-isfond storiku tar-rumanz joħorġu l-paralleliżmi ta’ bejniethom u l-implikazzjonijiet tal-kittieb. Dan il-kapitlu jistħarreġ ir-rumanz fid-dawl tad-deskrizzjonijiet, tat-temi u l-istruttura tiegħu bil- ħsieb li jippreżenta stampa ħafifa tal-istil narrattiv u l-karatteristiċi l-aktar relevanti għall-istudju. Ir-raba’ kapitlu janalizza t-tieni sett ta’ novelli miktuba wara r-rumanz u l-aħħar kapitlu jistħarreġ l-intertestwalità tax-xogħlijiet narrattivi. |
Description: | B.A.(HONS)MALTESE |
URI: | https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/5337 |
Appears in Collections: | Dissertations - FacArtMal - 2012 |
Files in This Item:
File | Description | Size | Format | |
---|---|---|---|---|
12BAMAL013.pdf Restricted Access | 1.21 MB | Adobe PDF | View/Open Request a copy |
Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.