Please use this identifier to cite or link to this item:
https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/6383
Title: | L-iżvilupp tar-rumanz storiku Malti |
Authors: | Farrugia, Valentina |
Keywords: | Historical fiction, Maltese -- History and criticism Maltese fiction -- 19th century -- History and criticism Maltese fiction -- 20th century -- History and criticism |
Issue Date: | 2015 |
Abstract: | Ir-rumanz huwa proża narrattiva mistħajla miktuba f’ċertu tul, magħmula minn nisġa tal-ġrajja bil-karattri u bl-azzjonijiet li jiġru madwarhom. L-awtur joħloq dawn il-karattri biex iwassal dehra partikolari tal-ħajja. Ir-rumanz jirrakkonta biex jinterpreta kulma jirrakkonta. Maż-żmien inħolqu mudelli narrattivi differenti, għalkemm l-element ewlieni fir-rumanz huwa dejjem in-narrazzjoni, il-mod kif l-awtur jorganizza l-istorja, magħmula minn sensiela ta’ azzjonijiet imħabblin u xi drabi anki mibnijin fuq xulxin. “Ir-relazzjoni ewlenija f’kull rumanz hi dejjem bejn l-aġent u l-azzjoni tiegħu u ta’ madwaru” (Friggieri, Dizzjunarju, 680). Il-ġrajja narrattiva Maltija tħaddan diversi forom ta’ rumanzi. Wieħed minn dawn il-ġeneri huwa r-rumanz storiku. Ir-Rumanz Storiku Ir-rumanz storiku jinbena fuq sfond ta’ żminijiet qodma. Huwa ġeneru ta’ proża narrattiva b’taħlita ta’ ġrajjiet storiċi u ġrajjiet mistħajla maħluqin mill-immaġinazzjoni tal-awtur. Dawn iż-żewġ kwalitajiet jitħalltu flimkien biex b’hekk mid-dipendenza tagħhom fuq xulxin tinbena l-unità tar-rumanz. X’aktarx li r-rumanz ikun fih rabta bejn il-ġrajja ta’ interess nazzjonali flimkien ma’ ġrajjiet personali u individwali li normalment ikunu mistħajla. L-awturi Maltin tas-seklu dsatax u l-ewwel nofs tas-seklu għoxrin riedu jnisslu għarfien u kuxjenza dwar dak li hu Malti fost il-poplu ta’ żmienhom. Dan għamluh permezz tat-tlaqqigħ tal-lingwa mal-istorja li minnhom hu magħmul ir-rumanz storiku, li kien l-aktar mezz letterarju mfittex. Ir-rumanz storiku kien ukoll mezz biex inbniet it-tradizzjoni Maltija miktuba (Friggieri, Dizzjunarju, 633-34) Fir-rumanz storiku nsibu dak li seħħ tassew imżejjen b’dak li jistħajjel l-awtur. Pereżempju fil-kitba ta’ Alessandro Manzoni l-imġiba tal-karattri prinċipali hija influwenzata miċ-ċirkostanzi storiċi li seħħu verament, bħalma hi l-pesta. Manzoni juża din il-marda għall-għan reliġjuż u politiku tiegħu, bħala kastig mibgħut minn Alla biex jelimina lil min iġib ruħu ħażin. Xejra tipika oħra tar-rumanz storiku hi li minħabba ċirkostanzi storiċi jseħħ tibdil fil-protagonist tal-ġrajja, li ħafna drabi hu l-eroj. Dan il-kambjament ma jsirx biss fil-protagonist prinċipali iżda wkoll fis-soċjetà kollha kemm hi. It-teknika tar-rappreżentazzjoni f’rumanz tinbena b’dan il-mod: l-ewwel insibu l-preżentazzjoni tal-eroj, imbagħad l-analiżi psikoloġika, kif il-persunaġġ huwa aktarx karattru tond, persunaġġ kumpless li jiżviluppa tul in-nisġa tar-rumanz. Ma’ dawn huwa essenzjali li jkun hemm rappreżentazzjoni realistika tal-ħajja ta’ kuljum; ir-rumanz ikun verosimili. L-awtur joħloq ukoll karattri mistħajla, tipiċi tan-nies ta’ dak iż-żmien. B’dan il-mod il-ġrajja tkun dejjem iktar kredibbli. |
Description: | B.A.(HONS)MALTESE |
URI: | https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/6383 |
Appears in Collections: | Dissertations - FacArtMal - 2015 |
Files in This Item:
File | Description | Size | Format | |
---|---|---|---|---|
15BAMAL011.pdf Restricted Access | 1.27 MB | Adobe PDF | View/Open Request a copy |
Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.