Please use this identifier to cite or link to this item:
https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/6418
Title: | Figuri tat-taħdit fil-Vanġelu ta’ San Mattew |
Authors: | Mintoff, Marilyn |
Keywords: | Bible -- Language, style Figures of speech Bible. Matthew -- Criticism, interpretation, etc. |
Issue Date: | 2015 |
Abstract: | Il-bniedem jitħaddet billi juża l-kliem, li huwa ħoss u huwa wkoll tifsira. Bil-ħsejjes li għandhom tifsira, huwa mhux biss jesprimi ruħu imma jikkomunika mal-oħrajn. Il-lingwa hija mezz ta’ ħruġ ’il barra ta’ dak li huwa maħsub fil-bniedem. Ir-relazzjoni mibnija millkliem tista’ tkun kemm letterali u kemm figurattiva. B’letterali nifhmu li l-espressjoni għandha tifsira waħda biss, u li tidher u tibqa’ fil-wiċċ. B’figurattiva nifhmu li għandha aktar minn tifsira waħda, jiġifieri t-tifsira li tidher fil-wiċċ u t-tifsira immaġinattiva li tinsab fil-qiegħ. B’dan il-mod kull kelma li għandha tifsira letterali, tista’ tingħata tifsira li tmur lil hinn mill-aspett li jidher u jissuġġerixxi xi ħaġa oħra. Kull kelliem pubbliku jibni rrelazzjoni tiegħu mal-folla bis-saħħa ta’ taħlita qawwija ta’ taħdit letterali u taħdit figurattiv, diskors dirett u diskors indirett. Id-diskors dirett jinftiehem skont is-sens magħruf tad-dizzjunarju waqt li d-diskors indirett jingħaraf bis-saħħa tal-konnotazzjoni li jingħata fil-kuntest li jkun. Sidna Ġesù Kristu huwa kelliem li jwassal il-messaġġ tiegħu bi tliet modi: il-mod letterali, il-mod figurattiv u l-mod li bih it-taħdit tiegħu jikseb tifsira universali. It-taħdit tiegħu huwa mgħobbi l-ħin kollu b’konnotazzjonijiet li l-kuntest jispjegahom bħala messaġġi li jinftiehmu malajr. Il-konsistenza li biha Kristu joħloq lingwaġġ figurattiv u oriġinali turi li hemm unità sħiħa fit-taħdit varju tiegħu u li kulma huwa qiegħed jgħid jista’ jiġi spjegat b’mod li jaqa’ taħt is-sensi. Huwa joffri varjazzjoni empirika tad-diskors astratt tiegħu. Prinċipji spirtwali, veritajiet divini u sitwazzjonijiet storiċi huma mogħtija l-universalità billi huma rakkontati b’figuri li s-sensi barranin jistgħu jifhmuhom minnufih. L-effett ewlieni jinsab fil-fatt storiku li matul l-elfejn sena minn meta sar dan it-taħdit, is-sinfikat tiegħu baqa’ hemm u baqa’ l-istess fi ħdan kulturi u żminijiet differenti. Hekk pereżempju lkelma ‘ragħaj’ u l-kelma ‘nagħaġ’ żammu sal-lum it-tifsir essenzjali tagħhom. F’termini letterarji, l-aktar b’referiment għall-ħsibijiet ta’ Benedetto Croce, dan ifisser li Kristu huwa poeta li qiegħed jagħti verżjoni lirika, intuwittiva universali lill-ħsieb tiegħu. Min-naħa l-oħra, hemm diversi drabi meta l-lingwaġġ figurattiv ta’ Kristu ma jinftehemx mis-sens tiegħu u ngħata tifsira letterali: “...Nista’ nħott it-tempju ta’ Alla u nerġa’ nibnih fi tliet ijiem” (Għaqda Biblika Maltija, Mt. 26. 61). F’dan il-kwadru aktarx tiftiehem listqarrija tiegħu li hu Sultan. Fl-ambigwità bejn it-tifsira letterali u t-tifsira figurattiva talkelma ‘Sultan’ tinsab raġuni biex il-folla tinsisti li huwa jkun imsallab: “Qalilhom Pilatu: “U x’nagħmel b’Ġesù li jgħidu l-Messija?” Weġbuh ilkoll: “Sallbu!” Hu staqsiehom: “Imma x’għamel ħażin?” Huma aktar bdew jgħajtu u jgħidu: “Sallbu!” (Mt. 27. 22-23). Dan l-istudju huwa mibni fuq qari sistematiku u dettaljat ħafna ta’ kulma Kristu qal fil- Vanġelu ta’ San Mattew. Minbarra li kien l-ewwel Evanġelu li qrajt fil-bidu tal-mixja spirtwali tiegħi, l-għażla waqgħet fuq il-bxara t-tajba skont San Mattew għaliex tinkludi karatteristiċi letterarji u aspetti tematiċi li jvarjaw mill-Evanġelji Sinottiċi l-oħra. Qabel xejn, huwa wieħed mill-kotba l-iżjed ikkwotati fil-Bibbja u l-istudju se jservi bħala gwida għal min irid jikseb idea ċara tad-diskors figurattiv u implikat fit-taħdit ta’ Kristu. B’differenza mal-Evanġelji oħra, l-Evanġelju ta’ San Mattew nkiteb għall-komunità Lhudija u għalhekk l-analiżi se tiġbor xi kliem li nżamm fl-istil Semitiku tiegħu u li fih innifsu għandu tifsir figurattiv, bħal ‘sema’ u ‘Saltna tas-Smewwiet’. L-Evanġelu ta’ San Mattew għandu dipendenza qawwija fuq it-Testment il-Qadim u għal din ir-raġun listudju tiegħi se janalizza xi espressjonijiet li bl-istess forma figurattiva jew b’xi varjazzjonijiet stilistiċi u/jew lessikali ttieħdu mit-Testment il-Qadim. Għalhekk, se jiġi identifikat l-użu rikorrenti ta’ xejriet figurattivi li diġà kienu eżistenti fit-Testment il-Qadim. Barra minn hekk, ingħażel l-Evanġelu ta’ San Mattew għaliex minkejja għandu partijiet li jaqbel mal-Evanġelji ta’ San Marku u San Luqa (Mk) u f’xi rakkonti mal-Evanġelju ta’ San Luqa biss (Q), ħafna mill-materjal figurattiv, fosthom il-metafori (Mt. 7. 6, 15-17) u parti kbira tal-parabboli (Mt. 13. 24-36, 44-52, 18. 21-35, 20. 1-16, 21. 28-32, 25. 1-13, 23. 31-46), ma jidhirx fl-Evanġelji l-oħra. |
Description: | B.A.(HONS)MALTESE |
URI: | https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/6418 |
Appears in Collections: | Dissertations - FacArtMal - 2015 |
Files in This Item:
File | Description | Size | Format | |
---|---|---|---|---|
15BAMAL015.pdf Restricted Access | 1.26 MB | Adobe PDF | View/Open Request a copy |
Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.