Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/82089
Title: Il-kostruzzjoni tan-nazzjon fil-poeżija ta’ Oliver Friggieri
Authors: Farrugia, Wayne (2021)
Keywords: Friggieri, Oliver, 1947-2020 -- Criticism and interpretation
Maltese poetry -- 20th century
Maltese literature -- Political aspects
National characteristics, Maltese, in literature
Nationalism in literature
Marxist criticism -- Malta
Issue Date: 2021
Citation: Farrugia, W. (2021). Il-kostruzzjoni tan-nazzjon fil-poeżija ta’ Oliver Friggieri (Master's dissertation).
Abstract: Din it-teżi tħares lejn kif il-lingwa poetika ta’ Friggieri tirrakkonta s-soċjetà permezz tal-għodod kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-poeta, fosthom l-istruttura u l-għażla tal-versi, bħat-tħaddim regolari tal-endekasillabu, li jħallu sens ta’ dinjità, patrimonju u ordni. Friggieri jibqa’ jħaddem ir-rima tradizzjonali anke jekk qed jittratta temi kurrenti espressi b’metafori kumplessi. Għalhekk, il-profondità simbolika tal-poeżija aktarx tinħeba taħt is-sempliċità tas-saff tal-wiċċ. Friggieri jagħti importanza lill-metafora biex permezz tagħha joħroġ it-tensjoni soċjali li jara f’Malta ta’ żmienu li xi drabi tidentifika u żżewweġ naħat opposti. Apparti l-analiżi tal-poeżiji, qed ninkludi wkoll intervista personali ffilmjata mal-poeta li hemm verżjoni traskritta tagħha fl-appendiċi. Din l-intervista għamiltha biex nikseb riflessjonijiet poetiċi, politiċi, u soċjali tal-poeta dwar il-ġrajjiet u s-sitwazzjonijiet li kiteb fuqhom fil-poeżiji. Din l-intervista tista’ tgħin ukoll lil riċerkaturi futuri li se jistudjaw dawn ilpoeżiji ta’ Friggieri. L-intervista hi bbażata fuq mistoqsijiet li huma essenzjalment mibnija fuq l-istqarrijiet u l-kitbiet tal-poeta nnifsu dwar il-letteratura tiegħu, skont teoriji li użajt fit-teżi u fid-dawl tas-sitwazzjonijiet politiċi nazzjonali li minnhom il-poeta ħa l-ispirazzjoni tiegħu. Biex nanalizza l-poeżiji ridt niddetermina liema skejjel ta’ kritika kelli naqbad u liema studji nuża. Kull kapitlu fit-teżi hu msejjes fuq teoriji letterarji u soċjoloġiċi li permezz tagħhom stajt naqra l-poeżiji ta’ Friggieri. Fil-ħarsa kritika li nippreżenta fl-ewwel kapitlu nittratta l-iskola tal-kritika tal-Marxiżmu u nistħarreġ in-nazzjonaliżmu. Ninqeda bil-Marxiżmu biex nikkuntestwalizza l-letteratura u biex nifhem kif il-valuri li jidhru fil-poeżiji jirrelataw mal-valuri fis-soċjetà ta’ żmien partikolari. Għaldaqstant, kif jissuġġerixxu l-Marxisti, infittex interpretazzjoni konkreta aktar milli interpretazzjoni idealista u universali. Ix-xogħol letterarju hu mistħarreġ fit-totalità tiegħu, mil-lat stilistiku u mil-lat tematiku li jirriflettu l-kontradizzjonijiet politiċi u soċjali li jippreżenta l-poeta. Il-Marxisti jemmnu li r-realtajiet li nġarrbu huma lkoll materjali, u għalhekk, l-oriġini ta’ dawn ir-realtajiet tinsab fil-forom tal-produzzjoni. B’dan il-mod, jitilgħu fil-wiċċ aspetti ideoloġiċi kontemporanji u jiġu kkjarifikati. Il-perspettiva Marxista fil-letteratura tqanqal lill-qarrejja biex jattakkaw il-forzi oppressivi tan-nazzjon. It-teorista Marxista Terry Eagleton jittratta l-pożizzjoni Marxista dwar ir-rabta tal-letteratura mad-dilemmi soċjali. Dawn id-dilemmi mhux biss huma fuq livell soċjali imma wkoll fuq livell nazzjonali, u għalhekk, użajt l-analiżi tan-nazzjonaliżmu bħal 'Imagined Communities' ta’ Benedict Anderson biex nistħarreġ il-kategorija tal-“aħna” li tiddistingwi ruħha mill-kategorija tal-“huma” abbażi ta’ identitajiet uniċi, fil-komunitajiet politiċi immaġinati. Anderson għaraf iċ-ċentralità tan-nazzjonaliżmu, anke fi proġetti politiċi progressivi bħall-anti-imperjaliżmu u s-soċjaliżmu, tant li, xi kultant, ingħata aktar prominenza mill-proġett progressiv innifsu. Minkejja li bħala studjuż kien jidentifika ruħu l-aktar mat-tradizzjoni politika u intellettwali tal-Marxiżmu, Anderson deherlu li l-Marxiżmu ma rnexxilux jagħmel analiżi xierqa tan-nazzjonaliżmu bħala fenomenu ewlieni. Fit-tieni kapitlu nistħarreġ it-temi ewlenin u l-istil li juża Friggieri biex jikteb il-poeżiji. Għad li Friggieri kien minn tal-ewwel li laqa’ l-qawmien letterarju li jixhed xewqa għallħelsien mill-insularità u l-medjokrità nazzjonali u letterarja, xorta baqa’ juża stil essenzjalment Romantiku, speċjalment il-vers tal-ħdax. Din il-lehma ta’ Friggieri tat lok għassempliċità profonda, b’versi rrimati u b’kontenut li aktarx jappella għal udjenza wiesgħa, imma li fl-istess ħin tħalli lill-qarrejja jgħumu f’interpretazzjonijiet aktar profondi. Il-poeta jrid iqanqal lill-poplu biex jeżamina l-identità nazzjonali u fl-istess ħin jippreservaha. F’din l-identità Friggieri jara dawk li jqishom bħala karatteristiċi Mediterranji li jrid jaffermahom u jridhom ukoll jinfluwenzaw lill-poplu biex iħares dak li kiseb bħala nazzjon. Għad li dawn huma karatteristiċi Maltin u Mediterranji ma jfissirx li huma addottati minn kull ċittadin Malti. Fit-tielet kapitlu jissokta d-diskors dwar il-poeżija nazzjonalista, poeżija miktuba minn poeta li huwa meqjus bħala mudell għall-fervur idealistiku u t-tama, anke jekk it-tama hi żgħira jew impossibbli. F’dan il-kapitlu, nistħarreġ l-irwol ta’ Friggieri bħala poeta u rappreżentant tal-poplu tiegħu. Bil-poeżija jittratta diversi aspetti politiċi, nazzjonali u soċjali bil-għan li jqanqal liċ-ċittadini fil-pajjiż. L-aspetti soċjali diversi li tmiss il-letteratura jitilgħu fil-wiċċ u jolqtu liċ-ċittadini f’epoki differenti. Jekk il-poeti jinjoraw is-sitwazzjonijiet ta’ żmienhom, jirriskjaw li x-xogħol tagħhom jitwarrab u ma jappellax għall-qarrejja. Għaldaqstant, il-poeżija ssir ħtieġa aktar milli delizzju, bżonn li l-poeta joħroġ dak li hemm fih ħalli jitleħħen dak li jqisu bħala t-tiġrib nazzjonali, għax is-sentimenti ta’ wieħed, isiru sentimenti ta’ ħafna minħabba li l-poeta hu wieħed miċ-ċittadini. Il-poeta bħala ġenju joħloq arti b’ċerta sengħa u b’teknika li kapaċi tiġġarrab minn kull bniedem mingħajr eċċezzjoni, arti li biha Friggieri jesprimi kemm il-glorji kif ukoll in-niket tal-pajjiż. Fir-raba’ kapitlu nistudja kif Friggieri jikxef id-difetti tal-pajjiż bħall-partiġjaniżmu u l-vjolenza politika f’pajjiż li jarah bħala tribù maqsum bejn żewġ fazzjonijiet li jxejru żewġ bnadar differenti. Hawnhekk nanalizza t-terminu antropoloġiku tat-tribù, anke permezz ta’ studji li saru minn Jeremy Boissevain dwar is-soċjetà Maltija, biex inkun nista’ nifhem aħjar għaliex Friggieri jsejjaħ lil Malta tribù. F’dan il-kapitlu nistħarreġ il-vjolenza politika u l-qtil brutali taż-żewġ vittmi tal-politika minħabba li Friggieri jikteb numru ta’ eleġiji li fihom effettivament jimmitizzahom. Il-vjolenza u l-partiġjaniżmu huma riżultat ta’ impożizzjoni kontinwa tal-politiċi fuq iċ-ċittadini, sitwazzjoni li nistħarriġha fid-dawl tal-Panottiċiżmu ta’ Foucault. Jekk iċ-ċittadini jikkonformaw mingħajr ma jiddubitaw, ikunu leali lejn il-mexxejja tagħhom u jwettqu dak kollu li jġagħluhom jagħmlu. Friggieri jara soċjetà marida b’valuri foloz li għandha bżonn tirriforma ruħha mill-qiegħ.
Description: M.A.(Melit.)
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/82089
Appears in Collections:Dissertations - FacArt - 2021
Dissertations - FacArtMal - 2021

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
Il-kostruzzjoni tan-nazzjon fil-poeżija ta_ Oliver Friggieri (verżjoni finali).pdf
  Restricted Access
1.84 MBAdobe PDFView/Open Request a copy
Intervista Vidjow.mpeg
  Restricted Access
1.17 GBMPEGView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.