Please use this identifier to cite or link to this item: https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/8901
Title: Il-poeziji ta' patri Anastasju Cuschieri bil-Malti u bit-Taljan
Authors: Farrugia, John George
Keywords: Cuschieri, Anastasio, 1876-1962 -- Criticism and interpretation
Religion in literature
Patriotism in literature
Maltese poetry
Issue Date: 2013
Abstract: Cuschieri kien bniedem kumpless, u ma kienx sempliċiment poeta imma wara dan it-titlu hemm patri u filosfu. F’din it-teżi qiegħda tingħata ħarsa lejn din il-kumplessità, u l-aktar bis-saħħa tal-poeżiji tiegħu bil-Malti u bit-Taljan, fejn jiddominaw it-temi u l-figuri reliġjużi, l-ilsien Malti u magħhom hemm imwaħħdin aspetti oħra bijografiċi, ambjentali jew filosofiċi. Cuschieri jagħmel użu minn kliem u ħsibijiet sempliċi fil-poeżiji, ma jfittixx li jkun diffiċli, anzi jrid juri lil kulħadd li l-lingwa Maltija mhux diffiċli biex titħaddem b’mod letterarju. Il-poeżiji bit-Taljan huma ftit iktar kumplessi. Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn l-ammont ta’ poeżiji li kiteb Cuschieri mill-ġabriet ta’ poeżiji jinduna li bit-Taljan inkitbu ħafna anqas. Fl-aħħar ġabra, dik ta’ Camilleri u Cortis, huma biss tmintax-il poeżija, waqt li bil-Malti hemm mal-mitt poeżija. Madanakollu m’hemm xejn fiċ-ċert għaliex jista’ jkun hemm għadd ta’ poeżiji oħra li għadhom ma nstabux għaliex Cuschieri qatt ma żamm il-poeżiji tiegħu miġburin x’imkien. Barra minn hekk Cuschieri rari kien jiffirma poeżija b’ismu meta jippublika f’xi rivista. Hu kien jagħmel użu minn diversi noms-de-plume fosthom P.A.C., A.C u oħrajn. Huwa diffiċli li xi darba nikkonkludu l-ammont eżatt ta’ poeżiji li dan il-poeta kiteb. Cuschieri kien juża l-poeżija biex ifaħħar dak li jħobb. Bħala patri kien iħobb ir-reliġjon tiegħu u allura kien ifaħħar lil Alla u lill-qaddisin. Bħala patri Karmelitan kien ifaħħar lil Marija li kienet l-ispirazzjoni tiegħu u dan jixdhu l-ammont kbir ta’ poeżiji li għandu dedikati lilha, tant li għadu magħruf sal-lum bħala “l-Poeta tal-Madonna”. Hu ried ixerred id-devozzjoni li kellu hu mal-Maltin permezz tal-poeżiji tiegħu. Fil-ktieb Poeti Maltesi d’Oggi, Oreste Tencajoli jikteb li “le sue poesie sono prevalentemente religiose; egli canta son espansiva gioia le glorie del suo Ordine, risalendo talvolta il corso dei secoli.” (Tencajoli, 112). Hu jinqeda bil-poeżiji biex ifaħħar kemm lil Alla, lill-Madonna jew lill-qaddisin u saħansitra lill-ilsien Malti. Bħala filosfu ġieli jinkludi xi ħsibijiet filosofiċi, imma skont Degabriele l-filosofija fil-poeżiji jista’ jkun “il-għan sekondarju tiegħu” (Degabriele, xliii). Kif qal Friggieri wkoll f’diskors biex ifakkar għeluq il-ħamsa u għoxrin sena mill-mewt ta’ dan il-poeta, hu fil-poeżiji tiegħu ma jfittixx elaborazzjoni jew toqol tal- ħsieb filosofiku imma jittraduċi dan il-ħsieb bl-iktar mod sempliċi mit-toqol spiritwali u intellettwali. Cuschieri kien kapaċi jikteb poeżiji li bihom “rebaħ l-immaġinazzjoni ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ tfal” (Friggieri, 101). Poeżiji ħfief b’mekkaniżmi bħal rima u alliterazzjoni li jagħmluhom faċli biex tiftakarhom. Sfortunatament dan il-ġeneru ta’ poeżija bil-Malti m’għadux daqshekk poplari għalkemm il-poeżiji ta’ Cuschieri għadhom jidwu fost adulti li jiftakruhom mill-bankijiet tal-iskola u xi kultant jgħadduhom lil ġenerazzjonijiet iżgħar. Vassallo jisħaq fuq il-ħila kbira li kellu dan ilpoeta “biex jikteb kemm għal min hu misjur fil-għerf u kemm għal min hu tari fis-snin”. (Vassallo, 190).
Description: B.A.(HONS)MALTESE
URI: https://www.um.edu.mt/library/oar//handle/123456789/8901
Appears in Collections:Dissertations - FacArtMal - 2013

Files in This Item:
File Description SizeFormat 
13BAMAL013.pdf
  Restricted Access
1.07 MBAdobe PDFView/Open Request a copy


Items in OAR@UM are protected by copyright, with all rights reserved, unless otherwise indicated.